Il-Partit Laburista 1920-2020 huwa l-isem tal-ktieb li permezz ta’ dokumenti u ritratti, jiddokumenta l-mitt sena tal-Partit Laburista minn twelidu.
Mill-introduzzjoni tal-edukazzjoni obbligatorja sad-drittijiet ċivili, dan il-ktieb jirrakkonta l-kisbiet tal-istess Partit, u n-nies li ħadmu sabiex dan il-Partit jikber u jiġġedded maż-żmien.
ONE News tkellem mal-awtur tal-ktieb, il-Professur Raymond Mangion, li spjega kif il-ktieb ma setax ikun possibbli mingħajr il-qraba tal-protagonisti tal-Partit Laburista, li kellhom bosta ritratti li deheru fil-ktieb.
Il-Professur Mangion sostna li għalkemm il-ktieb jiddokumenta l-mixja tal-Partit Laburista, l-istejjer tan-nies li kienu u huma parti minnu huma ċentrali fil-ktieb: “In-nies huma importanti. Fil-ħajja, fl-istorja, int jew se tikteb storja t’avvenimenti mingħajr ma tagħti kas lin-nies, jew se tikteb l-istorja tan-nies, li allura juruk l-avvenimenti huma, u aħna għażilna t-tieni waħda.”
Mangion spjega kif fir-riċerka tiegħu, instabu wkoll żbalji f’dokumenti storiċi, li issa ġew irranġati.
Apparti minn hekk huwa stqarr li dan il-ktieb ilu jinkiteb għal żmien twil u l-proċess sabiex jitlesta dan il-ktieb kien wieħed intensiv: “Morna għand il-familjari tagħhom. Il-ktieb kien avventura fl-istess ħin u kien sfida kbira.”
Huwa tenna li l-istorja tal-Partit hija waħda importanti, għax hija wkoll l-istorja ta’ pajjiżna u huwa importanti li wieħed jitgħallem mill-istorja.
Qal li huwa ddedika dan il-ktieb għal-Laburisti kollha, b’mod speċjali dawk li l-inqas jissemmew: “Tajjeb li nfakkru lil missirijietna u lil ommijietna ta’ kemm batew biex bnew l-istrutturi li għandna llum. Iż-żgħażagħ tal-lum li qed igawdu frott u ċertu ġid u ċertu ħidma li saret fil-passat.”
Dan il-ktieb tal-SKS, bħalissa jista’ jinxtara mill-MFCC Ta’ Qali waqt il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb.
Il-volum se jinbiegħ €25 mill-ħwienet, iżda se jinbigħ bil-prezz speċjali ta’ €20 mill-istand tal-SKS fil-festival tal-ktieb f’Ta’ Qali.
Nhar is-Sibt filghodu Prof Mangion se jkun fl-istand tal-SKS.