L-għawwiem Neil Agius, li jumejn ilu naqqax ismu fl-istorja meta għam kważi mija u sitta u għoxrin kilometru fi tnejn u ħamsin siegħa biex iqajjem kuxjenza dwar l-ambjent, iddeskriva din l-esperjenza bħala xi ħaġa speċjali ħafna li nkisbet bi sforz kollettiv.
Meta indirizza lill-midja, l-għawwiem qal li nkitbet l-istorja wara tmien xhur ta’ tħejjija għal din l-avventura, li raw b’reqqa t-temp, ir-rotta, l-ikel u l-mediċini, fost l-oħrajn.
Ma’ ONE News, Neil qalilna kif jinsab issa li lesta sfida li rat mumenti ta’ qtigħ il-qalb: “Għadni naqra muġugħ, għandi l-exposure tal-melħ li kelli ġo ħalqi u mnieħri u griżmejja, ilbieraħ kont ħażin ħafna, illum naqra aħjar kif ninstema’ li bil-mod il-mod qed niġi lura. Bħala muscle pain, it-training kollu li għamilt vera ħadem għax ovvjament qiegħed sore imma mhux gravi għal ħamsin siegħa fil-baħar.”
Tul il-konferenza, spikka l-messaġġ t’apprezzament lejn it-tfajla ta’ Neil, li kienet miegħu tul il-vjaġġ sħiħ b’messaġġi kontinwi ta’ kuraġġ.
Mument li spikka qabel l-għawma kien meta Lara pproponiet lil Neil. Hija qaltilna: “I just wanted it to be the right moment and I wanted it to have the effect I wished, which was to motivate him a bit more to the finish line. I was really nervous and at one point he told me, you’re really nervous, calm down, what’s going on? You’re too nervous. And I was like, he’s realising you know so I put him aside and did it quickly so that he could focus again on his swim.”
U peress li Lara qaltilna li seta’ beda jissuspetta minħabba li kienet nervuża ħafna, staqsejna lil Neil biex jaqta’ l-kundanna.
Huwa stqarr magħna: “Le ma stennejthiex imma vera għenietni waqt l-għawma bdejt ngħid mhux qed nagħmilha għaliha biss imma għalina.”
Il-vjaġġ ta’ Neil bħala parti mill-kampanja “Wave of Change” se jissokta, bil-għan li jkompli jqajjem kuxjenza dwar il-ħarsien ambjentali.
Huwa saħaq: “Għall-futur dejjem qed nippruvaw niffukaw biex nispiraw lin-nies biex ma jużawx daqshekk plastik, forsi jkunu d-dar u jaraw x’hemm li jista’ jinbidel għal prodotti iktar sostenibbli milli għandhom bħalissa, hawn ħafna varjetà li tista’ tnaqqas il-plastik.”
Intant, fi tmiem il-konferenza, l-għawwiem ġie preżentat b’żarbun tal-ġiri li tliet kwarti tiegħu sar minn materjal riċiklat.
Ritratt: Kurt Arrigo/ Neil Agius – Facebook