It-taħwid tal-Partit Nazzjonalista, b’rabta mal-proposta tiegħu stess li twaqqaf u tillimita persuni li jikru l-proprjetà tagħhom, baqa’ jikber, tant li deputati ta’ Bernard Grech qed isibuha diffiċli jitkellmu dwar dan.
Il-proposta toħroġ proprju mill-Pre-Budget Document, li l-PN ipprova jżommu mistur. Dan iżda ġie llikjat u nstab li kien miżgħud bi żbalji bażiċi u proposti bla sustanza, bl-esperti li ntalbu pariri jgħidu li d-dokument “needs more work” u “needs more beef”.
Wieħed mill-awturi li minn taħt għajnejh għadda dan il-pjan, li fih il-Partit Nazzjonalista jrid li jkun hemm limitu fuq kemm ġranet għandhom jinkrew fis-sena l-proprjetajiet, hu proprju l-Kelliem Nazzjonalista għall-Finanzi, Graham Bencini.
ONE News ipprova jistaqsih dwar dan, bil-Kelliem ta’ Bernard Grech jipprova jaħrab mill-mistoqsijiet tal-ġurnalist.
Iżda meta baqa’ jiġi ppressat, Bencini lanqas biss ħalla lill-ġurnalist ikompli jistaqsi u qallu biss li l-Partit tiegħu qatt ma ħareġ dokument ta’ qabel il-Baġit.
Ġurnalist: “Intom fil-pre-budget document li ġie llikjat…”.
Graham Bencini: “X’pre-budget document?!”.
Ġurnalist: “Tal-Partit Nazzjonalista!”.
Graham Bencini: “Ma kellniex Pre-Budget Document”.
Bil-Pre-Budget Document f’idejn il-ġurnalist ta’ dan l-istazzjon, il-Kelliem Nazzjonalista xorta baqa’ jgħidilna li l-Partit Nazzjonalista ma kellux tali dokument.
Ġurnalist: “Il-Pre-Budget Document li ġie llikjajt mill-Partit Laburista?”
Graham Bencini: “Ma kellniex Pre-Budget Document”.
Viżibilment skomdu, ix-Shadow Minister għall-Finanzi qal li kieku dokument sar, kien jiġi ppubblikat.
“Kieku kellna Pre-Budget Document kieku ppubblikajnieh”.
Madankollu, għat-tielet darba fi ftit sekondi, il-Kelliem Nazzjonalista baqa’ jgħidilna li l-Partit tiegħu ma kellux Pre-Budget Document.
“Ħa nerġa’ ngħidlek, aħna ma kellniex Pre-Budget Document”.
Simili ta’ Bencini, għamlu d-Deputati Nazzjonalista David Agius u Ivan Bartolo, awtur ieħor tal-istess dokument. It-tnejn li huma ma ridux jagħtuna risposta u pprovaw iġibu fix-xejn il-mistoqsija li għamilna.
Ġurnalist: “Jiġifieri ma nistax nagħmel mistoqsija fuqha?”
David Agius: “U ija. Dik l-akbar problema li għandna?”
Ivan Bartolo: “Għandkom verżjoni mhux ħażina ta.. Nirringrazzjak.”
Ġurnalist: “Neħħejtu din il-miżura?”
Ivan Bartolo: “Ma għandix għalfejn nagħtik risposta, m’għandix għalfejn”.