F’intervista mal-familja tal-Prim Ministru, Dr. Robert Abela nnota li n-nies qed jiċċelebraw Milied b’differenza billi josservaw ir-regolamenti tal-Awtoritajiet tas-Saħħa Pubblika. Saħaq li jeħtieġ li nibqgħu prudenti u huwa kruċjali li ma nillaxkawx issa, fi tmiem tal-maratona twila sa minn Marzu hekk kif il-vaċċin għall-Covid-19 jinsab viċin li jasal.
F’intervista waqt il-maratona ġbir ta’ fondi tal-Partit Laburista, li għaliha n-nies għamlu l-mistoqsijiet tagħhom in-nies fuq il-midja soċjali, il-Prim Ministru qal li pajjiżna wera kemm hu reżiljenti u amministra tajjeb l-imxija. Dr. Abela spjega l-ħidma li saret, fosthom mhux biss tal-aħħar budget li ppreżenta l-Gvern iżda anki l-pakketti t’għajnuna oħra li ta l-Gvern biex iwieżen lill-ħaddiema u lin-negozji. Il-Prim Ministru qal li b’mod speċjali, dan il-Gvern ta każ il-qafas soċjali.
Mistoqsi dwar il-ftuħ tal-iskejjel, il-Prim Ministru spjega li kienet deċiżjoni importanti li ħa fejn pajjiżna ma setax jitlef ġenerazzjoni għal progress soċjali. Hawn hekk saħaq li pajjiżna żamm kemm jista’ jkun ċertu normalità, fejn baqgħet għaddejja l-attività ekonomika. Dan għal kuntrarju ta’ dak li qed jiġri f’pajjiżi oħra fil-qalba tal-Ewropa. F’dan il-kuntest semma kif il-Ġermanja qed tagħlaq l-iskejjel.
Fuq ton leġġer, mart il-Prim Ministru Dr. Lydia Abela spjegat kif din is-sena darhom ġiet imżejna aktar kmieni bit-tiżjin tal-Milied. Lydia Abela qalet li xi ħaġa li se jħossu n-nuqqas tagħha f’dawn il-festi minħabba l-imxija hija li s-soltu, binthom Giorgia Mae tistieden lil sħabha f’darha u jaqbdu rigal li jkunu qalgħu u jagħtuh lil tfal oħra li jinsabu f’xi dar tat-tfal jew istitut. Hawnhekk mart il-Prim Ministru qalet kif il-familja dejjem ħadet ħsieb li anki fit-tfal ixxettel sens ta’ altruwiżmu. Anki l-Prim Ministru tkellem dwar dan u rrikonoxxa l-ħidma li ssir mis-sorijiet f’dawn id-djar tat-tfal, fejn dawn is-sorijiet juru sens ta’ mħabba kbira ma’ dawn it-tfal.
Intant fuq ton leġġer ieħor, iċ-ċkejkna Giorgia Mae spjegat kif hija qed tistudja għall-priedka tal-Milied, li din is-sena jmiss lilha biex tagħmilha u qalet li tinsab f’nofs l-istudju tagħha. Fuq nota ċajtiera, il-Prim Ministru qal li hu huwa l-persuna li forsi jtellifha xi ftit waqt l-istudju tal-priedka. Giorgia Mae semmiet ukoll l-ikel li jitħejja għall-ikla tal-Milied.
Lydia Abela tkellmet ukoll dwar is-sittax-il ġurnata t’attiviżmu biex jitqajjem għarfien dwar il-vjolenza domestika. Spjegat kif iltaqgħet ma’ ħafna nies u żaret bosta postijiet u saħqet biex is-soċjetà ma tittollerax vjolenza abbażi ta’ ġeneru fost oħrajn.
Il-familja Abela tkellmet dwar sorpriżi li ħadu, fosthom il-Prim Ministru, li spjega kif kien ħa sorpriża sabiħa meta bintu telqet timxi. Ma naqasx ukoll li Giorgia Mae ssemmi membri oħra tal-familja Abela, li huma l-annimali. Fost l-annimali li jingħataw imħabba bla qies mill-familja Abela hemm fekruna, qtates, klieb, għasafar u anki gremxula.
Tista’ tara l-intervista hawn