Ix-xogħol b’imħabba u dedikazzjoni kbira li jagħmlu l-ħaddiema fid-djar tat-tfal f’pajjiżna, kompla jintensifika fi żmien il-pandemija tal-COVID-19.
L-Aġenzija Appoġġ tamministra sebat idjar tat-tfal li bejniethom jagħtu kenn lil 23 tifel u tifla.
Il-ħidma f’dawn id-djar inbidlet għaliex it-tfal qed iqattgħu ħafna iżjed ħin fir-residenza, u allura l-ħaddiema qed ikunu aktar kreattivi fl-attivitajiet li joħolqu, kif spjegat il-manager tad-Direttorat tat-Tfal, Marylyn Agius.
Hija spjegat: “Apparti li l-homeworks li qed jingħataw isiru b’mod regolari kif jintbagħat min-naħa tal-iskola, xorta għadna qed nippruvaw noħolqu bilanċ fejn iva qed isir ix-xogħol akkademiku però jkun hemm element ta’ pjaċir, jiġifieri insajru flimkien, nilagħbu logħob differenti, nagħmlu ħafna crafts, ikunu ħafna kreattivi qegħdin.”
Spjegat li l-miżuri ta’ prekawzjoni li ttieħdu fid-djar tat-tfal imorru lil hinn mill-ħasil tal-idejn.
Hija sostniet: “In-nies li qegħdin jaħdmu ġo dik id-dar ukoll, jibqgħu l-istess nies iżda ma jinbidlux minn residenza għall-oħra ħalli ma jkunx hemm ħafna nies deħlin u ħerġin. Din ukoll tgħin lit-tfal fl-istabbiltà f’dan il-mument u forsi tnaqqas ukoll l-ansjetà.”
Qalet li filwaqt li l-aspett psikoloġiku huwa kruċjali, hemm element ieħor li qed jieħu preċedent. Dak li t-tfal iħossuhom siguri, jingħataw il-kura li għandhom bżonn u li jkollhom il-bżonnijiet bażiċi tagħhom.
Dan fl-istess waqt li jżommu l-kuntatt mal-ġenituri tagħhom.
“Kemm jista’ jkun inżommu l-kuntatt mal-ġenituri wieħed stabbli, ikun xorta supervised hekk kif regolat u tinżamm dik il-konsistena minn dak l-aspett ukoll”, kompliet tgħid is-Sinjura Agius.