“Id-deċiżjoni tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini, dwar il-vaċċin tal-AstraZeneca tkompli tikkonferma kemm huwa importanti li n-nies ikomplu jitlaqqmu kontra l-Covid-19.”
Hekk stqarr iċ-Chairman tal-Awtorità Maltija tal-Mediċini, il-Professur Anthony Serracino Inglott f’kummenti li ta lil ONE News ftit tal-ħin wara li l-EMA ddeċidiet li l-benefiċċji tal-vaċċin tal-AstraZeneca huma ħafna akbar mir-riskji.
Il-Professur Serracino Inglott spjega kif l-Awtorità Maltija tal-Mediċini wkoll kienet involuta fl-eżerċizzju li għamel il-kumitat fi ħdan l-EMA.
Huwa kompla jgħid kif bħal kull mediċina oħra huwa importanti li wara li wieħed jieħu l-vaċċin ikun viġilanti għal xi sintomi mhux tas-soltu li jista’ jħoss sabiex f’dan il-każ ikun jista’ jirrapporta u jirċievi l-għajnuna jekk tkun neċessarja.
Huwa temm jappella sabiex il-Maltin ikomplu jitlaqqmu kontra il-Covid-19 hekk kif l-periklu li jġib miegħu dan il-virus huwa bil-bosta ikbar mir-riskji li l-vaċċin tal-AstraZeneca jista’ jġorr.
Aqra wkoll:
https://www.one.com.mt/2021/04/07/il-beneficcji-tal-vaccin-tal-astrazeneca-huma-hafna-akbar-mir-riskji-l-ema/