Il-vjaġġ ta’ Jacob Micallef fil-motorsport jagħmel pass ieħor fid-direzzjoni t-tajba. Micallef beda fil-karting professjonali aktar tard mis-soltu, iżda l-progress mgħaġġel tiegħu fil-klassi OK Junior is-sena l-oħra kien notevoli. Minkejja li beda minn l-aħħar post, ħareġ bħala l-aktar veloċi, u sal-aħħar tas-sena kiseb il-pole position fil-finali dinjija.
Fl-istess sena, Jacob tefa’ għajnejh fuq sfida ġdida u għadda għall-klassi tal-OK senior, fejn il-kompetizzjoni kienet ħarxa. Minkejja dan, malajr sab il-pass tiegħu, u f’żewġ tiġrijiet biss, kien diġà qed iżomm f’nofs il-klassifika, xhieda tal-adattabilità u l-ħila tiegħu.
Din is-sena, it-tranżizzjoni ta’ Jacob għat-tim il-ġdid CRG ttestjat ir-reżiljenza tiegħu. Minkejja l-isfidi inizjali fil-ħolqien ta’ struttura bl-aqwa sewwieqa, l-impenn bla waqfien ta’ Jacob lejn l-isport żammewh fil-ġlieda għall-aħjar riżultati possibbli.
Ftit tal-ġimgħat ilu Jacob iddeċieda li jingħaqad ma tim ġdid, Victory Lane, peress li dawn għandhom struttura li tista’ tappoġġjaħ sal-Formula 2.
Dan il-weekend, Jacob se jkun qed jsuq fi Kristianstad fl-Isvezja fl-avveniment taċ-Champions of the Future bħala preparazzjoni għall-avveniment skedati tal-kampjonat tal-FIA.