Waqt il-laqgħa tal-Grupp Parlamentari Nazzjonalista lbieraħ filgħaxija, li damet għaddejja aktar minn tliet sigħat, li kkonċentrat dwar l-attakki ta’ tmiem il-ġimgħa fuq id-Deputat Għawdxi Alex Borg mill-fazzjoni estremista, mhux talli ma kien hemm l-ebda kundanna għal dan, iżda kompla jaqla’ fuq rasu.
L-attakk ta’ Kevin Cassar fuq il-Malta Independent il-Ħadd, li ddeskriva lil Alex Borg bħala ż-Żiemel ta’ Trojja, fetaħ beraħ il-qasma li ilha teżisti bejn il-fazzjonijiet, partikolarment dawk tal-establishment, li llum jikkontrollaw il-Partit u l-Kap Bernard Grech, u tal-eks Kap Adrian Delia, li d-Deputat Għawdxi jagħmel parti minnha.
Fil-laqgħa taħraq kollha tisbit u għajjat, il-Kap de facto Karol Aquilina, u miegħu Beppe Fenech Adami, spiċċaw komplew jagħtu ħasla waħda wara l-oħra lil Borg.
ONE News informat ukoll li, minkejja l-ħafna storbju fuq Facebook u filmati min-naħa tal-istess Borg, jirriżulta li, fil-laqgħa, Borg tħalla kompletament waħdu, għajr għal xi interventi favur tiegħu mid-Deputati Joe Giglio, Eve Borg Bonello u Charles Azzopardi.
Min-naħa l-oħra, jitkellmu b’saħħa kontra Borg kien hemm ukoll Mark Anthony Sammut u Claudette Buttigieg.
F’mument minnhom, Alex Borg qal lil Beppe Fenech Adami li l-attakk kien sar proprju minn ħatnu u fakkru kif Cassar “kien ħareġ għall-elezzjoni u ma nġabarx’.
ONE News informat li Fenech Adami qallu li hu ma jiktibx l-artikli ta’ ħatnu, iżda fl-ebda mument ma kkundannah.
Għalkemm Borg ipprova jfendi xi argumenti kontrih, iżda spiċċa jibla’ lsienu quddiem id-dominanza ta’ dawk immexxija minn Karol Aquilina.
Hawnhekk nistgħu niżvelaw kif il-Kap de facto saħansitra ta ħasla papali lil Borg talli mar għal vaganza dakinhar tal-vot fuq il-mozzjoni li kkundannat l-aġir arroganti tiegħu fil-konfront tal-Ispeaker Anġlu Farrugia.
Is-sorsi tagħna minn ħdan l-istess Partit Nazzjonalista qalulna li, quddiem dan kollu, “Bernard (Grech) baqa’ ċass u ħa over Karol”, waqt li “ma kien hemm l-ebda kundanna għall-artiklu ta’ Kevin Cassar fuq Alex Borg”.
ONE News informat li l-Ewroparlamentari Roberta Metsola, li tagħmel parti mill-Grupp Parlamentari, lanqas attendiet, avolja kienet Malta u organizzat coffee morning filgħodu, iżda jidher li la riedet tfuħ u lanqas tinten mal-fazzjonijiet u, kif tagħmel quddiem sitwazzjonijiet diffiċli, spiċċat farfret.
Waqt li oħrajn, bħal Adrian Delia, li ngħad li ma jiflaħx, Ivan J. Bartolo. Stephen Spiteri u Carm Mifsud Bonnici, m’attendewx, spiċċat reġgħet għaddiet ta’ Karol Aquilina u l-fazzjoni estremista.