F’nofs Awwissu, fl-eqqel tas-sħana, teżisti kriżi umanitarja kbira fil-Mediterran, b’aktar minn ħames mitt jinsabu fil-limbu bejn sema u ilma.
Filfatt l-aġenzija għar-refuġjati fi ħdan in-Nazzjonijiet Magħquda appellat lill-Ewropa biex ħames mija u sebgħa immigrant jitħallew jidħlu f’portijiet kennija.
“Ħafna minn dawn in-nies sofrew abbuż fil-Libja”, sostniet l-aġenzija f’appell imqanqal biex il-kriżi ma tkompliex tippersisti.
Mija u wieħed u ħamsin persuna jinsabu fuq il-bastiment Open Arms filwaqt li tlieta mija u sitta u ħamsin persuna ġew salvati m’ilux mill-vapur Ocean Viking.
“L-Ewropa xxukjat ruħha b’attakk li sar fil-Libja meta nfetaħ in-nar fuq ċentru ta’ detenzjoni tal-immigranti. Issa l-waqt li l-Ewropa turi bil-fatti kemm tħaddan il-valur tas-solidarjetà u l-istati membri għandhom jaqsmu bejniethom dawn l-immigranti”, qalet in-Nazzjonijiet Magħquda.
Kważi sitt mitt persuna tilfu ħajjithom fil-Mediterran matul din is-sena hekk kif dan il-baħar li eluf ta’ snin ilu welled għadd ta’ ċiviltajiet issa tlaqqam bħala ċimiterju.