Il-midja Taljana qed tirrapporta kriżi ġdida tal-prezzijiet tal-fuels fil-pajjiż, hekk kif il-petrol qed jinbiegħ sa €2.30 kull litru jekk tiġi servut minn tal-pompa jew saħansitra €2.40 fuq il-highways prinċipali.
Il-fuels fl-Italja, bħal ħafna pajjiżi oħrajn fl-Unjoni Ewropea, ilhom jiżdiedu s-snin, partikolarment mill-2022 mindu faqqgħet il-Gwerra fir-Russja.
Dan wassal għal spejjeż addizzjonali għall-maġġoranza tal-familji fl-Italja, li jridu jivvjaġġaw distanzi twal bil-vetturi tagħhom, waqt li wkoll ħafna kellhom anke jħassru l-vjaġġi interni tagħhom, kif seħħ fil-vaganzi popolari ta’ Ferragosto.
Il-prezz attwali jfisser li t-Taljani jridu jikkumpensaw għexieren ta’ ewro iżjed kull ġimgħa.
Imqabbel mal-istess ammont ta’ fuel ikkonsmat minn karozza medja f’pajjiżna kull ġimgħa, fejn aħna nħallsu mal-€25, fl-Italja jkollhom jiżborżjaw €45. Id-differenza tikber iżjed ma jiġi kkonsmat fuel.
Meħud kont tal-kobor tal-pajjiż ġar tagħna u d-distanzi minn post għall-ieħor, dan ifisser mijiet ta’ ewro iżjed kull xahar f’konsum minn kull karozza.
Il-prezzijiet tal-fuels f’Malta huma €1.34 għall-unleaded u €1.21 għad-diesel u ilhom fissi s-snin, grazzi għas-sussidji mill-Istat fil-kriżi tal-enerġija.