Adrian Delia deher dieħel fil-palazz ta’ Sant’Anton għal ħabta tal-5:30pm.
Huwa mistenni jiltaqa’ mal-President ta’ Malta George Vella fid-dawl ta’ kriżi politika fil-kamp tal-Oppożizzjoni Nazzjonalista.
Ftit wara li ġie sfiduċjat minn dsatax-il deputat, Adrian Delia kien qal li mhux se jċedi u se jibqa’ Kap tal-Partit Nazzjonalista.
Huwa kien qal ukoll li se jibqa’ Kap tal-Oppożizzjoni wara li d-deputati li sfiduċjawh permezz ta’ vot sigriet ma ressqu l-ebda isem biex jidħol floku u jimla’ l-kariga Kostituzzjonali li bħalissa għadu jokkupa hu.
Ftit minuti qabel, dehru ħerġin id-deputati Nazzjonalisti Chris Said u Claudette Buttigieg li kienu fost id-dsatax-il membru parlamentari Nazzjonalista li sfiduċjaw lil Delia.
Huma kellhom ukoll laqgħa mal-President hekk kif sar magħruf li dawn id-deputati tal-fazzjoni ta’ Simon Busuttil ressqu l-isem ta’ Therese Comodini Cachia biex tkun Kap tal-Oppożizzjoni flok Adrian Delia.
Delia deher ħiereġ mill-Palazz tal-President wara laqgħa ta’ siegħa li kellu mal-President ta’ Malta.