Inqas minn tliet xhur għall-finali tal-Eurovision fil-kapitali Kyiv, fl-Ukrajna u kollox jinsab fil-limbu. Dan hekk kif l-ogħla żewġ uffiċjali mit-tim tal-produzzjoni eżekuttiva Victoria Romanova u Oleksandr Kharebin tefgħu r-riżenja tagħhom.
Sa ftit tal-jiem ilu dawn it-tnejn kienu qed jitkellmu dwar l-ispettaklu li se jippreżentaw quddiem miljuni ta’ nies f’Mejju li ġej madankollu jeżisti tiżgwid kbir fi ħdan l-istazzjon nazzjonali Ukren, NTU.
Il-European Broadcasting Union, li tissorvelja l-proċess tal-organizazzjoni tal-Eurovision, jidher li xebgħet bit-tkaxkir tas-saqajn u l-ħidma bis-sulluzzu. Dan hekk kif għad fadal ħafna xi jsir u dan xejn m’hu jawgura tajjeb għal-livell ta’ produzzjoni li mistenni jiġi preżentat f’Mejju li ġej.
Lejn tmiem is-sena l-oħra saħansitra kien irriżenja Zurab Alasania li kien qed imexxi l-istazzjon nazzjonali. Fi kliemu, l-Ukrajna ma tistax torganizza l-Eurovision minħabba nuqqas ta’ fondi m’għand il-Gvern Ukren.
Id-dubji dwar kemm l-Ukrajna jistgħu jorganizzaw il-Eurovision kif suppost komplew iqumu meta t-Tnejn filgħaxija l-fergħat kollha tal-klabbs tal-ammiraturi tal-Eurovision (OGAE) ġew mgħarfa li mhux se jiġu allokati pakketti ta’ biljetti għas-serati.
Bi qbil mal-organizzaturi tal-Eurovision u l-EBU, l-OGAE ilha snin tforni bil-pakketti ta’ biljetti iżda mal-Ukreni ma ntlaħaqx ftehim. Dan ifisser li bosta ammiraturi tal-Eurovision, li s-soltu kellhom moħħhom mistrieħ, issa jridu jixtru l-biljetti tas-serata minn fuq sit apposta miftuħ għal kulħadd.
Dwar dan, il-President tal-OGAE Malta Adrian Refalo qal ma’ one.com.mt li hija ħasra li l-ammiraturi li għandhom għal qalbhom dan il-festival ġew trattati hekk. Aċċenna li l-OGAE għamlet li setgħet biex tikseb il-biljetti u l-membri fehmu dan iżda jibqa’ l-fatt li l-istess membri qed iħossuhom iddispjaċuti u rrabjati għall-organizzaturi Ukreni.