Wara nuqqas ta’ 4 snin, l-istennija kienet li l-Malta Eurovision Song Contest jirritorna bil-kbir. Għal ħafna dan ma kinx il-każ. L-aħħar Malta Eurovision Song Contest li sar kien fi Frar tal-2018 meta dakinhar Christabelle ġiet iddikjarata r-rebbieħa bil-kanzunetta Taboo. Minn dakinhar ‘l hawn, ir-rappreżentanti Maltin fil-Eurovision Song Contest f’Tel Aviv (2019) u f’Amsterdam (2021) ġew magħżulha mill-programm Xfactor Malta. F’dawn l-aħħar snin, uħud kienu jikkritikaw għaliex ir-rappreżentanza Maltija qed tintgħażel minn dan il-programm u mhux mill-festival tradizzjonali li tant kien għal qalb is-segwaċi Maltin u Għawdxin.
Iżda hekk kif il-Ħamis 17 ta’ Frar bdiet is-serata tas-semifinali, ħafna kienu diżappuntati bil-livell preżentat. F’sala litteralment vojta, ammiraturi u oħrajn kritikaw il-prezz għoli li ntalab biex l-udjenza tkun preżenti fl-MFCC Ta’ Qali. Tul is-serata tas-semifinali, ħafna kitbu fuq il-midja-soċjali li ħafna mill-kanzunetti m’humiex ta’ livell għas-sena 2022 biex jirrapreżentaw lil Malta. Sal-lum l-organiżżaturi għadhom ma ħabrux kemm kien hemm sottomissjonijiet uffiċjali għal dan il-festival. F’entużjażmu ftit li xejn mill-udjenza, it-22 semifinalist interpretaw il-prestazzjoni tagħhom fuq palk li s-segwaċi ilhom jaraw għal dawn l-aħħar ġimgħat fil-programm XFactor Malta. Ma naqsux il-kummenti u kritika kbira lejn kif kienet imqassma s-serata b’ħafna reklami kull ftit minuti u anke għall-fatt li fl-ebda ħin ma tħabbru l-membri tal-ġurija.
Filwaqt li ħafna ammiraturi u oħrajn li jsegwu, kienu diżappuntati, kien hemm ukoll min saħaq li jingħad x’jingħad, dan il-festival jibqa’ segwit, tant li ħafna stennew l-ewwel serata biex jaqilgħu u jiktbu dak li kull darba li jkun hemm serata tal-Eurovision jistennew li jiktbu.