L-eks Deputat Nazzjonalista u avukat t’esperjenza, Franco Debono, li ppropona diversi riformi fil-ġustizzja, ikkritika lil eks Prim imħallef Silvio Camilleri li kien maħtur bi proċedura relikwa ta’ sitwazzjoni post-kolonjali.
Franco Debono li, fost l-oħrajn, kien ippropona bidla fil-mod kif jinħatru l-Iimħallfin, sistema li qed tintuża llum, irrikorra għall-midja soċjali biex jispjega kif Silvio Camilleri u l-eks Prim Imħallef l-ieħor, Joseph Said Pullicino, jirrappreżentaw epoka li kienet “żmien tad-dlam għar-rule of law” minħabba li l-imħallfin kienu jiġu handpicked mill-Gvern Nazzjonalista tal-ġurnata.
“Dawn huma żewġ imħallfin, li nħatru, għax ġew handpicked mill-Gvern tal-ġurnata. Saħansitra Silvio Camilleri minn prosekutur pubbliku jakkuża n-nies, sar, qabel l-imħallfin kollha ta’ dak iż-żmien, u sar Prim Imħallef.”
L-Avukat Franco Debono
L-Avukat Debono fisser il-proċedura tal-ħatra tal-ġudikatura bħala waħda mill-aktar proċeduri importanti f’pajjiż demokratiku li jħaddan l-istat tad-dritt.
“U għalhekk qed ngħid, meta nara dawn in-nies jiskruplaw bis-sitwazzjoni tar-rule of law, jien nistagħġeb mhux ftit, għax dawn jissimbolizzaw sitwazzjoni ta’ żmien id-dlam fir-rule of law, almenu f’dan is-settur. U ejjew ngħiduha kif inhi, il-mod kif jinħatar imħallef u l-mod kif jinħatar maġistrat, hi waħda mill-aktar proċeduri importanti f’kull stat ta’ dritt, f’kull stat li josserva r-rule of law, f’kull stat demokratiku.”
L-Avukat Franco Debono
Hu jiżvolġi l-argument tiegħu billi jissuġġerixxi u jistieden lill-midja biex jistaqsu liż-żewġ Prim Imħallfin Emeriti dwar x’jaħsbu fuq il-proċedura li kienu handpicked mill-politiċi biex iservu fil-ġudikatura, daqslikieku kienu persons of trust tal-Ministru, issa li għoġobhom jitkellmu dwar is-saltna tad-dritt.
“U dawn it-tnejn min-nies li issa ħarġu ’l quddiem biex jagħtu l-kummenti tagħhom, tajjeb jiġu mistoqsija ‘inti x’taħseb fuq il-mod, fuq ir-rule of law, kif kienet bil-mod kif int sirt imħallef? Silvio Camilleri inti x’taħseb’, min jaf kieku llum xi protesti jkun hawn fit-toroq. Timmaġinaw lill-Avukat Ġenerali tinqabad minn fejn qegħda u tiġi mpoġġija bħala mħallef, mingħajr ebda esperjenza ta’ mħallef?”
L-Avukat Franco Debono
L-Avukat ta’ esperjenza jgħid li l-proċedura fi żmien meta hu kien fil-Parlament ma kinitx meritokratika u, irrispettivament mill-kompetenza tal-individwu, jekk avukat ma jkunx ħabib tal-Ministru tal-ġurnata ma seta’ qatt isib postu fil-ġudikatura.
Kien għalhekk li hu propona bidla fil-metodu tal-ħatra tal-ġudikanti sabiex b’hekk wara li dik il-proposta ġiet implimentata minn Gvern Laburista, illum is-sistema nbidlet kompletament, b’sejħiet pubbliċi u bi proċess ta’ għażla li fih il-politiku m’għandu ebda rwol.
Il-kummenti ta’ Dr Debono kienu qed isiru fil-kuntest ta’ riforma oħra ċentrali fis-settur tal-ġustizzja, dik marbuta mal-inkjesti maġisterjali.
Din hi riforma li tħares lejn diversi aspetti fil-proċess tal-inkjesti maġisterjali, fosthom billi tintroduċi salvagwardji li jħarsu d-drittijiet taċ-ċittadini, aktar kontabbiltà kemm fil-ħatra u kif ukoll fil-finanzjament tal-esperti, informazzjoni lill-vittmi u l-qraba tagħhom, u termini li jsaħħu l-effiċjenza u l-effettività tal-proċedura.