Huwa pjuttost ironiku li l-Kap tal-Oppożizzjoni jikkritika r-rata ta’ investiment mis-settur privat meta id-differenza bejn qabel l-2013 u s-sitwazzjoni tal-lum hija ċara.
Fl-aħħar legiżlatura qabel il-bidla fil-gvern, it-tkabbir ekonomiku kien naqas kważi bin-nofs tal-medja tas-snin ta’ qabel. F’ħames snin, kabbarna l-ekonomija Maltija bi kważi sittin fil-mija (57%). Bidla daqstant kbira ma tiġix b’kumbinazzjoni.
Dan il-gvern, b’viżjoni ekonomika u għaqal fit-tmexxija, irnexxielu jsaħħaħ setturi ekonomiċi li kellhom tradizzjoni b’saħħitha f’pajjiżna filwaqt li ħoloq setturi ekonomiċi ġodda.
B’mod konsistenti, l-gvern ħadem sabiex joħloq il-klima għal aktar investiment għaliex sa mill-bidu nett għaraf li l-attivitàekonomika u l-investiment huma ċ-ċavetta għal progress f’dan il-pajjiż. Għaldaqstant, is-settur privat kien fiċ-ċentru ta’ dan is-suċċess ekonomiku għaliex qiegħed ikompli jinvesti iktar minn qatt qabel.
Ta’ min ifakkar li mill-bidla fil-gvern fl-2013 il-valur tal-investiment dirett barrani f’pajjiżna żdied b’€51 biljun jew 40.6%. Barra minn hekk il-Malta Enterprise approvat kważi 660 proġett u espansjonijiet ġodda favur investituri barranin u Maltin.
Flimkien, dawn il-proġetti mistennija jinvestu biljun ewro fl-ekonomija Maltija u jiġġeneraw 11,359 impjieg ġdid. Fis-snin li ġejjin dawn l-investimenti, flimkien ma’ oħrajn f’setturi fejn għadha kemm saret legiżlazzjoni ġdida, ser iwasslu għal fażi ohra ta’ tkabbir ekonomiku.
Għaldaqstant, hija pwerili r-retorika tal-Oppożizzjoni li l-investimenti li tħabbru matul dawn l-aħħar snin ma jrendu xejn.
Min irid ikun kredibbli u jitqies bħala gvern alternattiv irid jagħti alternattivi biex juri li jekk jingħata l-mandat biex imexxi lil dan il-pajjiż, huwa għandu soluzzjonijiet aħjar iżda jidher biċ-ċar li l-Oppożizzjoni kapaċi twassal kritika distruttiva u xejn iżjed.
Ma’ dan il-gvern il-poplu Malti għandu rasu mistrieħa li l-ekonomija ta’ pajjiżna se tibqa’ tiżboq kull aspettativa u toħloq il-ġid li jgawdi minnu kulħadd.