Id-dikjarazzjonijiet tad-Deputat Nazzjonalista Claudette Buttigieg huma ekwivalenti għal delużjonijiet psikotiċi.
Dan kien is-sentiment li għadda l-opinjonista Raphael Vassallo fuq il-gazzetta Maltatoday b’referenza għad-dikjarazzjoni li Alla qiegħed mal-Partit Nazzjonalista.
Fl-artiklu tiegħu fil-gazzetta, Vassallo jagħmel referenza għall-użu li għamlet id-Deputat Buttigieg mill-innu arkajku tal-Partit Nazzjonalista fid-diskors tagħha.
“U meta tirbaħ is-sewwa, inqumu bilwieqfa u ngħidu: Ejjew Nazzjonalisti, ejjew bl-eluf minn tagħkom, ejjew għax Alla magħna, ejjew ħa nirbħu żġur. Viva l-Partit Nazzjonalista.”
Fuq żewġ faċċati mill-gazzetta, Vassallo jġib eżempji ċari biex juri kif din id-dikjarazzjoni mhux biss turi kemm il-Partit Nazzjonalista jinsab maqtuħ mir-realtà iżda għad għandu elementi b’saħħithom mwaħħla fil-passat.
Fost l-oħrajn Vassallo ddeskriva d-dikjarazzjonijiet meħuda mill-innu tal-Partit Nazzjonalista bħala tal-mistħija filwaqt li nnota kif dawn huma sintomatiċi ta’ ideali faxxisti.
Sorsi fi ħdan id-Dar Ċentrali qalulna kif il-Partit Nazzjonalista kull ma jmur qed ikompli jsir iħaddan iktar l-ideali estremisti tal-passat.
Dan bit-tama li jirnexxielu jiġbed lejh nies li birdu mill-Partit.
Saħansitra qed ikomplu joħorġu l-elementi elitisti hekk kif għal darba oħra qed iqisu lid-distrett ta’ Tas-Sliema bħala l-pilastru tal-Partit.
Xi ħaġa li kkonfermat id-deputat Nazzjonalista Claudette Buttigieg fl-istess diskors.
“Folol kbar numeruzi nxejru l-bnadar tal-Partit Nazzjonalista. Dan huwa distrett li huwa importanti għalina. Dan huwa pilastru tal-Partit Nazzjonalista.”