Id-Deputat Nazzjonalista Kristy Debono kellha tammeti li l-kunflitti interni dgħajfu mhux ftit lill-Partit Nazzjonalista.
Debono li hija wkoll il-Kelliem tal-Partit Nazzjonalista għall-Ekonomija qalet dan waqt il-programm XTRA t-Tnejn filgħaxija waqt dibattitu politiku mad-Deputat Laburista Jonathan Attard.
Waqt id-dibattitu fuq ix-xandir nazzjonali, id-diskors mar fuq is-sondaġġi li ġew ippubblikati fl-aħħar sena u x-xejriet li juru favur il-Partit Laburista.
Meta mistoqsija mill-preżentatur tal-programm Saviour Balzan għaliex il-Partit Nazzjonalista baqa’ ma’ għamilx progress minkejja li biddel il-Kap tiegħu, Debono evvidentament skomda kellha tammetti li l-kunflitti interni ma’ għenu xejn lill-Partit immexxi minn Bernard Grech.
Qalet, “Jiena nemmen li l-Partit Nazzjonalista fl-Oppożizzjoni f’din l-aħħar leġislatura, il-kunflitt intern li ħareġ barra ovvjament dgħajjef mhux ftit lill-Partit Nazzjonalista.”
Saħansitra qalet li bil-ġlied kbir li kellu fi ħdanu l-Partit Nazzjonalista, intilfet opportunità għall-ġid tal-pajjiż.
Spjegat, “Bdejna niġġieldu bejnietna u hemmhekk tlifna opportunità tajba biex dan il-pajjiż ikollu oppożizzjoni b’saħħitha.”
Il-ġlied intern fil-Partit Nazzjonalista baqa’ jiddomina anke wara t-tmexxija tal-eks Kap Adrian Delia. Fil-fatt, fl-aħħar ġimgħat il-gazzetti indipendenti rrappurtaw diżgwid kbir bejn id-Deputati tal-establishment, magħrufa aħjar bħala l-Blue Heroes u l-Kap Nazzjonalista Bernard Grech.
Dan dwar il-pożizzjoni tal-Partit Nazzjonalista fuq il-liġi dwar l-użu responsabbli tal-Kannabis. Diżgwid li wassal biex Bernard Grech kellu jċedi u joħroġ kontra din il-liġi minkejja li ftit tal-ġimgħat qabel kien qal li l-Gvern ikkopja lill-Partit Nazzjonalista meta ħariġha.
Tul il-programm id-Deputat Laburista Jonathan Attard aċċenna għall-ħidma kbira ta’ Gvern Laburista fl-aħħar xhur u snin.
Filwaqt li rrikonoxxa sfidi li qed jaffaċċja l-pajjiż bħall-inflazzjoni huwa tenna kif dan il-Gvern qatt ma waqaf ikun ta’ spalla għall-poplu Malti u Għawdxi.
Qal, “L-interventi li saru minn naħa tal-Gvern xprunaw anke ċertu attivitajiet ekonomiċi li mhumiex komparabbli ma’ pajjiżi l-oħrajn. Għandna s-stiwazzjoni li l-Kummissjoni Ewropea tbassar li ser ikollna l-għola tkabbir ekonomiku s-sena li ġejja. Għaliex? Għax l-istrateġija ekonomika tal-Gvern Malti huwa propju dak li kemm jista’ jkun jixpruna attività ekonomika li ma titfax piż.”