In-negozjant Kris Bajada qal li huwa ġie tradut mill-Kap Nazzjonalista Adrian Delia sabiex jiskappa d-dell ta’ investigazzjoni dwar allegazzjonijiet ta’ ħasil ta’ flus minn ċirku ta’ prostituzzjoni f’Londra.
F’intervista mas-sit Lovin Malta ftit wara li qam minn koma, qal li baqa’ xxukjat meta skopra li l-ikbar ħabib tiegħu, Adrian Delia, allega li l-firma fuq dokument ta’ kumpanija li fetħu flimkien kienet iffalsifikata.
L-artiklu fuq is-sit jgħid li Delia ried jimplika li l-firma tiegħu ġie iffalsifikata minn Bajada.
Delia allega dan meta ġie rrapportat li l-FIAU kkonkluda li kien hemm biżżejjed informazzjoni li tindika li kont tal-bank f’Jersey miftuħ minn Delia seta ġie użat għal ħasil ta’ flus minn ċirku ta’ prostituzzjoni f’Soho.
“Ma niftakar qatt li ffalsifikajt xi firem u ħadd qatt ma urieni xejn. Allura għalfejn Adrian qajjem dokument li kien ilu għand l-MFSA 15-il sena?” staqsa Bajada.
Bajada u Delia għamlu ħbieb meta t-tnejn kienu l-Università. Wara li ggradwaw, Delia sar l-avukat ta’ Bajada u iktar tard it-tnejn issieħbu flimkien fin-negozju.
Fetħu diversi kumpaniji flimkien fosthom il-kumpanija Frankef li dwarha Delia qed jallega li l-firma tiegħu kienet iffalsifikata.
Iżda Bajada sostna li l-kumpanija li fetħu flimkien ma għanda x’taqsam xejn mal-kont f’Jersey u li Delia għamel hekk biex idawwar l-attenzjoni minn fuqu fi żmien meta Bajada kien wiċċu ‘l fuq fis-sodda mitluf minn sensih.
L-allegazzjoni ta’ Delia wasslet biex il-Pulizija tagħmel tfittxija estensiva fid-dar tal-eks mara ta’ Bajada, Diana, oħt l-eks Kap Nazzjonalista Simon Busuttil.
Mal-MaltaToday nhar il-Ħadd li għadda Bajada qal li b’din l-allegazzjoni Delia ried ukoll jitfa t-tajn fuq il-predeċessur tiegħu Simon Busuttil.