L-eks team manager tal-klabb tal-futbol ta’ Pembroke Athleta, Uchenna Anyanwu, ġie kkundannat sena ħabs sospiżi għal sentejn u mmultat elf ewro wara li fil-Qorti nstab ħati li pprova ixaħħam żewġ plejers li jilgħabu mat-tim tal-Mosta bil-għan li jimmanipola ir-riżultat ta’ żewġ partiti fil-Premier League Malti. Il-każ imur lura għas-sena li għaddiet bl-ewwel logħba kienet bejn Mosta u Birkirkara li ntlagħbet fl-erbgħa ta’ Jannar; u l-partita l-oħra kienet bejn Pembroke Athleta u Mosta li ntlagħbet fil-ħdax ta’ Frar. Il-mottiv wara dan il-każ kien li t-tim Mosti jitlef bil-għan li Pembroke isalvaw ħalli b’hekk ikunu jistgħu jibqgħu jilgħabu fil-kampjonat Premier.
Fl-għoti tas-sentenza, l-Maġistrat Grazio Mercieca rrimarka li minkejja li l-imputat instab ħati ta’ korruzzjoni fil-futbol Malti, ir-reat ma ġiex kompletament ikkonsmat minħabba li ma laħaqx sar bdil ta’ flus fl-idejn.