Inter ikkonfermaw li l-Olandiż Frank de Boer se jkun żvelat bħala l-kowċ il-ġdid tat-team Taljan waqt konferenza tal-aħbarijiet kmieni wara nofsinhar.
L-eks kowċ ta’ Ajax se jiffirma kuntratt man-Nerazzurri ta’ tlett snin u se jkun fil-kontroll tal-ewwel sessjoni tat-taħriġ illum stess.
L-Olandiż se jġib miegħu esperjenza internazzjonali vasta hekk kif huwa lagħab fl-ogħla livell tal-football kemm domestiku u kif ukoll internazzjonali.
Bejn l-1990 u l-2004, de Boer lagħab 112-il logħba u skurja 13-il gowl għall-Olanda. Ma’ Ajax, huwa rebaħ il-kampjonat Olandiż ħames darbiet, iċ-Champions League, it-Tazza Uefa, il-Uefa Supercup u l-Intercontinental Cup.
De Boer lagħab ukoll ma’ Barcelona, Galatasaray u Rangers fost oħrajn.
Fuq livell maniġerjali, huwa rebaħ erba kampjonati tal-Olanda bejn l-2011 u l-2014.