L-Ordni ta’ San Ġwann, li mexxiet lil Malta bejn l-1530 u l-1798, ħabbret il-pass li jmiss għar-riforma li għaddejja bħalissa fi ħdan din l-Ordni.
Dan hekk kif is-Sibt, il-Papa Franġisku xolja t-tmexxija preżenti tal-Ordni ta’ San Ġwann, waqt li ġie maħtur Gvern proviżorju.
Il-Papa nieda l-Karta Kostituzzjonali tal-Ordni tal-Kavallieri, li permezz tagħha se jinħatar Gran Mastru ġdid.
Dan id-diġriet maħruġ mill-Papa Franġisku jgħid li fil-25 ta’ Jannar li ġej, f’jum il-Konverzjoni ta’ San Pawl, se jibda l-Kapitlu Ġenerali Straordinarju tal-Ordni, li se jibda l-proċess sabiex l-Ordni ta’ San Ġwann ikollha Gran Mastru ġdid.
Din il-Kostituzzjoni l-ġdida se telimina r-rekwiżit li l-Kavallieri u l-Gran Mastru jridu jkunu ġejjin minn familja nobbli, kif ukoll it-tradizzjoni li l-Gran Mastri jibqa’ f’dan l-irwol sakemm imut.
Skont din il-kostituzzjoni, il-Gran Mastru se jkun elett għal terminu ta’ għaxar snin, li tista’ tkun imġedda darba, u l-Gran Mastru jista’ jibqa’ sal-età ta’ 85 sena.
Fi stqarrija, il-Logutenent tal-Gran Mastru, Fra’ John Dunlap, li qed imexxi l-Gvern proviżorju, qal li l-Ordni tilqa’ dawn l-azzjonijiet mill-Kap tal-Knisja Kattolika. Intqal li dawn il-proposti juru t-triq ‘il quddiem għall-Ordni, kemm bħala istituzzjoni reliġjuża u anki bħala entità sovrana.
Din il-kostituzzjoni l-ġdida ġiet wara ħames snin ta’ dibattitu fi ħdan l-Ordni u s-Santa Sede, hekk kif hemm min qed jisħaq li din tista’ ddgħajjef is-sovranita tagħha.
Illum l-Ordni ta’ San Ġwann għandha 37 Kavallier reliġjuż u tgħodd għal iżjed minn tlettax-il elf membru minn madwar id-dinja.