Id-Dipartiment tal-Istudji tat-Tfal u l-Familja fl-Università ta’ Malta u t-Task Force dwar it-Trobbija Pożittiva, ingħaqdu flimkien u fasslu kors ta’ taħriġ għall-qwiebel, biex ikunu kapaċi jagħrfu każijiet ta’ vjolenza domestika fost nisa tqal.
Iċ-Chairperson tat-Task Force dwar it-Trobbija Pożittiva, Ruth Sciberras spjegat li hawn l-idea żbaljata li l-vjolenza domestika hija biss fiżika, mentri fil-verità, din tiġi f’forom differenti, fosthom vjolenza emozzjonali, finanzjarja jew sesswali.
Sciberras qalet, “Ir-riċerka turina li waqt it-tqala, il-mara tkun iktar vulnerabbli. Ikollha iktar ansjetà u allura jista’ jkun li l-vjolenza domestika jew teskala jew inkella tiġi f’dik is-sitwazzjoni fejn tibda ssir waqt li l-mara tkun tqila. Ir-riċerka turina wkoll li peress li l-mara tkun vulnerabbli għax tkun bit-tqala tagħha u jaf ikun hemm tfal oħra, allura fi żmien it-tqala, ma tkunx tista’ tiddefendi ruħha.”
Hija spjegat kif dan it-taħriġ qed jgħin lill-qwiebel ikunu jafu x’għandhom jagħmlu jekk jiltaqgħu ma’ nisa li jkollhom suspett li jkunu vittmi ta’ vjolenza domestika.
Ruth Sciberras stqarret, “Jekk per eżempju, mara qiegħda urġentissima, li għandha bżonn toħroġ dak il-ħin, jekk il-midwife ħa ssib tfal jibku, affarijiet imkissrin, għajjat u kaos sħiħ, hemmhekk tkun taf kif għandha tirreaġixxi. Ovvjament, ikun hemm vittmi li se jsaqsu x’jiġri jekk tmur għand Pulizija jew iċċempel social worker. Hemmhekk, il-midwife tkun kapaċi u tkun tista’ tirrispondi għal dawn id-domandi.”
Kull xogħol li jsir mit-Task Force dwar it-Trobbija Pożittiva, għandu fil-qofol tiegħu l-interessi tat-tfal, mhux b’inqas dan it-taħriġ, li jieħu ħsieb lit-tfal sa minn meta jkunu fil-ġuf.
Ruth Sciberras spjegat li d-dixxiplina mat-tfal hija importanti, imma din għandha dejjem issir mingħajr vjolenza.
Qalet, “Il-vjolenza fuq it-tfal għandha dejjem tiġi eliminata u m’għandha tkun iġġustifikata qatt. Ovvjament, parti mix-xogħol tagħna huwa li aħna wkoll nedukaw fuq il-vjolenza domestika għax fejn hemm il-vjolenza fuq il-vittma allura qed issir ħsara kbira wkoll lit-tfal. Il-vjolenza domestika nindirizzawha wkoll biex insaħħu l-familja għax anki l-aggressur ikun jista’ jfittex l-għajnuna.”