Il-Kampus tal-Istitut għall-Istudji Turistiċi fil-Qala ser jintuża għall-iskola internazzjonali tal-mediċina u s-sigurtà tal-għadis, l-ISDSM.
Dan ser isir permezz ta’ ftehim konġunt bejn l-ITS u DAN Europe b’kollaborazzjoni mal-Assoċjazzjoni tal-Iskejjel tal-Għaddis Professjonali, liema assoċjazzjoni tiddisinja korsijiet speċifiċi fejn jidħlu s-sigurezza tal-għadis kif ukoll ir-riċerka u l-mediċina.
B’hekk bis-saħħa ta’ dan il-ftehim fil-kampus f’Għawdex ser ikunu offruti korsijiet prattiċi permezz ta’ investiment li jlaħħaq mas-sittin elf ewro, f’tagħmir ġdid mixtri apposta.
F’konferenza l-Kap Eżekuttiv tal-ITS, Pierre Fenech innota kif dan it-tip ta’ programm fuq livell ta’ baċellerat, u li hu l-ewwel tax-xorta tiegħu fid-dinja, qiegħed iqanqal interess fl-isfera internazzjonali. Dan filwaqt li saħaq dwar kif bħala istituzzjoni edukattiva, l-ITS qed jaħdem id f’id ma’ min hu ikkonċernat biex jippromwovi turiżmu ta’ kwalità.
Fenech stqarr: “Aħna l-intenzjoni tagħna hi li ngħallmu lin-nies kif jimmaniġġjaw ċentri tal-għadis u l-industrija tal-għadis. Jiġifieri kemm għal studenti li għadhom fid-dinja edukattiva biex jibdew minn livelli baxxi u jibqgħu telgħin sa degree. Kif ukoll nies li diġà qegħdin jaħdmu fis-settur u li jridu jtejbu n-negozju tagħhom biex ikun aktar sigur, b’hekk aktar sostenibbli. U aħna ’l hemmhekk qegħdin inħarsu biex il-viżjoni li nagħmlu settur tat-turiżmu ta’ livell ta’ kwalità aktar għoli aħna bħala istituzzjoni edukattiva qed naħdmu fuq l-istess direzzjoni.”
Preżenti kien hemm ukoll Mark Caney, bugħaddas professjonali li jagħmel parti minn assoċjazzjoni dinjija ta’ taħriġ għall-għaddasa, fejn esprima l-gratitudni tiegħu għal fatt li iċ-ċertifikazzjoni maħruġa minn dawn is-sessjonijiet hija maħruġa mill-istess assoċjazzjoni.
Għall-konferenza kien hemm ukoll il-Ministru għal Għawdex, Clint Camilleri semma kif il-gżira Għawdxija toffri esperjenzi uniċi tal-għadis.
Huwa qal, “Dawn il-korsijiet ser jibdew isiru minn hawnhekk, minn ġewwa il-kampus tal-ITS fil-Qala. U għaldaqstant inħarsu ‘l quddiem sabiex inkomplu insostnu lil dan is-settur turistiku tant importanti għal gżejjer tagħna b’mod partikolari għal Għawdex. Però aktar minn hekk ukoll permezz ta’ dan il-kors, permezz ta’ din l-iskola li ser topera minn hawnhekk ser inkunu qegħdin propju ukoll nattiraw aktar bugħaddasa, aktar persuni involuti f’dan is-settur sabiex inkomplu imbagħad insaħħu lil din l-industrija.”
Min-naħa tiegħu, il-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo saħaq kif dan huwa eżempju ta’ attività ekonomika sostenibbli.
Huwa sostna: “B’investiment ta’ sittin elf ewro f’Għawdex li qegħdin ninvestu sabiex inkomplu nsaħħu verament is-sigurtà fil-qasam tal-għadis. Niċċa li hija verament importanti għas-settur turistiku tagħna, fejn ser inkunu qegħdin nagħtu wkoll kors b’xejn lil kull ċentru tal-għadis f’pajjiżna sabiex naraw illi nkomplu nżidu s-sigurtà u l-kwalità tal-arja illi jkunu qegħdin jieħdu l-bugħaddasa li jiġu f’pajjiżna. Dan kollu qed jgħinna nibnu turiżmu sostenibbli għaż-żmien illi ġej.”