L-importanza li kull proprjetà jkollha Energy Performance Certificate qegħda dejjem tikber, anke fid-dawl tal-Pjan Nazzjonali ta’ kull Stat membru tal-Unjoni Ewropea sabiex il-bini kemm jista’ jkun ma jużax aktar enerġija minn kemm jiġġenera.
Għal dan il-għan, l-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni, il-BCA, kompliet għaddejja b’sensiela ta’ korsijiet fil-qasam tal-energy performance rating tal-binjiet.
Dan il-kors iwassal sabiex wieħed jikkwalifika u issir assessur reġistrat. Madanakollu, ma tmiem il-kors wieħed irid ipoġġi għal eżami ta’ tliet sigħat sabiex jiġi eżaminat dwar dak kollu li jkun tgħallem matul dan il-kors.
L-għalliema ta’ dan il-kors huma persuni speċjalizzati fl-inginerija u għandhom esperjenza bħala assessuri.
Għal dan il-kors partikolari attendew ’il fuq minn 145 ruħ.
Antoine Bartolo, li huwa l-Uffiċjal Ewlieni tal-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni, spjega li biex wieħed ikun eliġibbli għal dawn il-korsijiet irid ikun professjonist bil-warrant ta’ perit jew inġinier.
Qal, “Il-kors huwa mfassal għal professjonisti li irridu jitgħallmu kif jikkalkulaw l-effiċjenza tal-enerġija ta’ dar jew ta’ dwelling inġenerali.”
Fil-preżent, ir-reġistru tal-assessuri fi ħdan l-Awtorità jinkludi ’l fuq minn 500 assessur.
Dawn l-assessuri, flimkien ma’ oħrajn li se jikkwalifikaw ladarba jintemm il-kors li għaddej prezentament, ikunu jistgħu jevalwaw ir-rendiment tal-energija tal-proprjetà u joħorġu ċertifikat, magħruf bħala EPC.
Stqarr, “L-EPC huwa ċertifikat li juri biċ-ċar x’inhi l-effiċjenza enerġetika ta’ binja. Issa dan is-soltu jsir meta wieħed jew jibni jew jikri jew ibigħ proprjetà. Huwa d-dmir tas-sidien li jagħmlu ċ-ċertifikat sabiex minn ikun qiegħed jixtri jkun jaf fiex dieħel, u jkun jaf il-konsum kollu.”
Huwa spjega li fin-nuqqas ta’ dan is-sid jista jeħel multa ta’ bejn €500 u €5,000.