Bi tħejjija għall-bidu tal-bini tal-ewwel żewġ flyovers minn sebgħa li se jsiru fil-Marsa Junction Project, mill-ġimgħa d-dieħla Infrastructure Malta se tniedi tibdiliet kbar fis-sistema ta’ traffic lights ta’ din il-ħolqa ewlenija, u t-toroq li jwasslu għaliha.
Bħalissa l-aġenzija qed tagħmel l-aħħar preparamenti biex tvara t-tielet fażi ta’ dan il-proġett infrastrutturali b’investiment ta’ €70 miljun. Għaldaqstant, fil-jiem li ġejjin se tkun qed tagħlaq uħud mill-korsiji li hemm fl-inħawi u flokhom tiftaħ korsiji oħrajn temporanji. Se jiċċaqilqu wkoll it-traffic lights li jikkontrollaw l-andament tal-ivvjaġġar f’din l-aktar junction traffikuża fit-toroq tagħna, biex jagħmlu wisgħa għall-pilastri tal-flyovers. Mappa li turi l-korsiji u r-rotot temporanji, li se jibqgħu fis-seħħ għal diversi xhur, tinsab fuq il-mezzi tal-midja soċjali ta’ Infrastructure Malta, fosthom Facebook, Instagram u Twitter.It-tibdiliet prinċipali fid-direzzjoni lejn in-naħa t’isfel tal-pajjiż (mill-Marsa lejn Raħal Ġdid) jinkludu:
- Mill-Marsa lejn Kordin: Il-parti tal-karreġġjata ta’ Triq Aldo Moro fid-direzzjoni tan-nofsinhar (fejn qabel kien hemm ix-Shipbuilding) se tonqos għal żewġ korsiji flok l-erbgħa eżistenti u dawn se jwasslu biss lejn Vjal Sir Paul Boffa, biex tmur lejn Kordin, Raħal Ġdid u l-Kottonera.
- Mill-Marsa lejn Santa Luċija, l-Ajruport u Ħal Qormi: Se jkun hemm żewġ korsiji ġodda temporanji li mbagħad jiftħu għal erbgħa u dawn se jgħaqqdu l-karreġġjata tan-nofsinhar fi Triq Aldo Moro ma’ Vjal Santa Luċija (lejn ir-roundabout ta’ Santa Luċija u t-Triq Tal-Barrani) u Triq Garibaldi (lejn Ħal Luqa, il-Gudja u l-Ajruport), kif ukoll Triq il-Gvern Lokali (fejn hemm l-Istamperija tal-Gvern) lejn Triq il-Marsa (ħdejn iċ-Ċimiterju tat-Torok) biex tgħaddi għal Ħal Qormi. Dawn il-korsiji temporanji se jgħaddu minn fejn qabel kien hemm iż-żewġ fabbriki li twaqqgħu waqt l-ewwel fażi tal-proġett.
- Korsiji ġodda lejn l-Ajruport u Ħal Qormi: Se jsiru wkoll żewġ korsiji oħrajn temporanji li se jgħaddu mill-parkeġġ li hemm ħdejn iċ-Ċimiterju tal-Addolorata, biex jgħaqqdu ż-żewġ karreġġjati ta’ Vjal Santa Luċija ma’ Triq Garibaldi (lejn Ħal Luqa, il-Gudja u l-Ajruport) u Triq il-Gvern Lokali lejn Triq il-Marsa (Ċimiterju tat-Torok) biex tibqa’ sejjer Ħal Qormi. Jekk tkun ġej minn Triq Aldo Moro lejn in-nofsinhar trid tibqa’ sejjer lejn Vjal Santa Luċija u tgħaddi minn dawn il-korsiji ġodda temporanji biex tasal fi Triq Garibaldi jew Triq il-Gvern Lokali.
Jekk tkun qed tivvjaġġa lejn it-tramuntana tal-pajjiż (minn Kordin u Santa Luċija lejn il-Marsa) se tibqa’ tuża l-korsiji eżistenti, ħlief għal dan it-tibdil:
- Sistema ġdida ta’ traffic lights: Temporanjament se ssir sistema ġdida ta’ traffic lights fil-karreġġjata tat-tramuntana fi Vjal Santa Luċija, ħdejn id-daħla għaċ-Ċimiterju tal-Addolorata. Dawn se jieħdu post it-traffic lights ewlenin tal-Marsa Junction, li hemm bħalissa f’salib it-toroq fit-tarf tal-istess triq.
- Minn Santa Luċija u Kordin lejn Ħal Qormi: Jekk tkun ġej min-naħa t’isfel ta’ Malta fid-direzzjoni lejn Ħal Qormi, trid tikser fuq ix-xellug malli taqbeż it-traffic lights temporanji li qed isiru, biex tgħaddi mill-korsiji ġodda ta’ ġol-parkeġġ ħdejn iċ-Ċimiterju tal-Addolorata u tibqa’ sejjer minn Triq il-Gvern Lokali (fejn hemm l-Istamperija tal-Gvern) u Triq il-Marsa (quddiem iċ-Ċimiterju tat-Torok).
Biex tgħin lill-pubbliku jidra dawn l-arranġamenti ġodda aktar malajr, Infrastructure Malta qed tagħmel tabelli mal-ġnub tat-toroq fl-inħawi, kif ukoll sinjali bl-ismijiet tad-destinazzjonijiet impenġija fuq wiċċ it-triq matul ir-rotot tal-Marsa Junction.
Ġaladarba jidħlu fis-seħħ dawn l-arranġamenti ġodda sa tmiem il-ġimgħa li ġejja, Infrastructure Malta se tagħlaq l-aċċess għall-korsiji li se jingħalqu biex tibda t-tielet fażi tal-Marsa Junction Project. Din il-fażi se tibda bit-tħaffir tal-pedamenti għat-tqegħid tal-pilastri għall-ewwel żewġ strutturi ta’ flyovers. Dawn se jinkludu żewġ pontijiet li jgħaqqdu Triq Aldo Moro ma’ Triq Garibaldi. Il-quddiem, dawn se jkunu jwasslu wkoll għat-tielet flyover, dik li tieħdok lejn Vjal Santa Luċija.
L-ewwel fażi ta’ dan il-proġett, li kienet tinkludi t-twaqqigħ ta’ żewġ fabbriki antiki sabiex minflokhom jinbnew il-pontijiet u t-toroq ġodda, tlestiet aktar kmieni din is-sena. II-bini mill-ġdid ta’ Triq il-Gvern Lokali, Triq Ġużè Gatt (it-tarf ta’ Triq il-Gvern Lokali) u t-twessigħ ta’ Triq Aldo Moro għal għaxar korsiji kienu parti mit-tieni fażi tal-proġett, li tlestiet ix-xahar li għadda.
Il-Marsa Junction Project jinkludi l-bini ta’ toroq ġodda, sistema ta’ seba’ pontijiet f’livelli differenti, passaġġi u korsiji għall-mixi u għar-roti, faċilitajiet tal-park and ride, żoni msebbħa b’siġar u pjanti u infrastruttura oħra sabiex itejjeb il-kwalità, s-sigurtà u l-effiċjenza ta’ l-aktar ħolqa li minnha jivvjaġġaw persuni fis-sistema tat-toroq Maltin. Il-proġett ser inaqqas b’mod drastiku l-ħin tal-ivvjaġġar u t-tniġġis tal-arja kkawżat mill-konġestjoni tat-traffiku billi jneħħi s-sistema preżenti ta’ traffic lights li hemm biswit iċ-Ċimiterju tal-Addolorata u minflokha jinbnew 12-il kilometru ta’ korsiji ġodda li jwassluk b’mod dirett f’kull waħda mid-direzzjonijiet differenti li jingħaqdu flimkien f’dawn l-inħawi.
Dan il-proġett huwa konfinanzjat mill-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa tal-Unjoni Ewropea.