Se tiżdied korsija kontinwa tul it-triq kollha mir-roundabout tal-Armier fid-direzzjoni lejn it-terminal taċ-Ċirkewwa, fi proġett infrastrutturali ġdid li se jitlesta sa qabel is-sajf, biex min ikun se jaqsam il-fliegu, jasal sat-terminal aktar malajr.
Ħabbar dan il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi, Chris Bonett li spjega kif mal-esperti tekniċi ta’ Infrastructure Malta, sar xogħol biex tinstab soluzzjoni ħalli l-karozzi li jitilgħu lejn Għawdex, ikollhom żewġ korsiji minflok waħda, mill-Armier saċ-Ċirkewwa.
B’investiment totali ta’ seba’ miljun ewro, dan il-proġett se jsir fuq firxa ta’ żewġ kilometri u nofs, u l-ewwel interventi se jibdew fuq it-triq mir-roundabout tal-Marfa fid-direzzjoni lejn iċ-Ċirkewwa.
Waqt żjara fiċ-Ċirkewwa, uffiċjali ta’ Infrastructure Malta spjegaw kif l-istrutturi tal-ħadid li jifirdu l-karreġġjati se jinbidlu, u minflokhom se jsiru strutturi tal-konkrit li huma ċċertifikati li joffru l-aqwa sigurtà.
Dan se jagħmilha possibbli biex jintrebaħ iżjed spazju li jista’ jintuża b’mod aktar effettiv.
Se tinbidel ukoll l-istruttura eżistenti tal-pont ta’ fuq il-mina li tagħti lejn il-Moll tan-Nofsinhar, wara li saritlu ħsara estensiva, kawża tal-elementi.
Il-Ministru Chris Bonett spjega kif b’dan il-proġett se tonqos il-konġestjoni tat-traffiku u tiżdied l-organizzazzjoni fiż-żona, biex jiġi ffaċilitat il-vjaġġ għal kull min jaqsam il-fliegu.
“Konxji li per eżempju, Għawdex, kellna żieda tul l-aħħar xhur ta’ vetturi li jridu jitilgħu Għawdex. Nafu li fis-sajf, dawn il-vetturi se jiżdiedu u se jkun hemm ukoll challenges għat-trasport pubbliku biex ikun jista’ jasal lejn il-vapur, u għalhekk se jkun hemm iż-żieda ta’ iktar lanes għal Għawdex, imma mhu se mmissu xejn mill-ġenb, jiġifieri mhux se mmissu natura. Se nużaw l-ispazju li għandna, se nużaw dak li hemm, biex inwasslukom iktar malajr lejn il-vapur.”
F’dan il-proġett se tingħata importanza wkoll liċ-ċiklisti, u l-karreġġjata tar-roti eżistenti fit-triq mir-roundabout tal-Marfa saċ-Ċirkewwa se tibqa’ kif inhi u anki titwessa’ f’ċertu żoni, filwaqt li se tiżdied rotta alternattiva biex iċ-ċiklisti jgħaddu mill-Armier sal-Marfa.
Ittieħdu wkoll il-prekawzjonijiet kollha biex ma jingħalaqx l-aċċess għall-partijiet ta’ madwar it-terminal għall-ħaddiema, u biex ma tinħoloqx konġestjoni li tostakola s-servizz tat-trasport pubbliku jew xi servizzi ta’ emerġenza.