Ġie mniedi Kors ta’ Induzzjoni għall-Maniġers tal-Kunsilli Reġjonali, bi qbil mal-viżjoni tal-Gvern Ċentrali fir-rigward tal-governanza tal-Kunsilli Lokali.
Tul din l-aħħar sena l-Gvern investa biex isaħħaħ l-istrutturi tal-Kunsilli Reġjonali, sabiex barra li jaqdu l-funzjonijiet tagħhom b’aktar effiċjenza u effettività, ikunu jistgħu joffru l-assistenza lill-Kunsilli Lokali fi ħdanhom f’diversi sfidi, oqsma, u funzjonijiet.
Għalhekk, ġew ingaġġati numru ta’ uffiċjali professjonali bl-għan ewlieni li permezz tal-assistenza tagħhom, l-operat u s-servizz ta’ kull Kunsill Lokali fi ħdan ir-Reġjun ikollhom kwalità, kontabbilità, u sostennibilità aktar għolja.
L-uffiċjali se jkunu qed ikopru sitt temi differenti, li jinkludu l-kultura, l-ambjent, it-teknoloġija, l-amministrazzjoni ta’ fondi lokali u Ewropej, l-immaniġġjar u l-implimentazzjoni ta’ proġetti, u l-immaniġjar tal-iskart.
Min-naħa tiegħu, id-Direttur Ġenerali tad-Diviżjoni tal-Gvern Lokali, Natalino Attard, qal li s-setturi li jispeċjalizzaw fihom dawn il-maniġers huma sitt setturi kruċjali u mportanti fit-tmexxija u l-ħidma tal-Kunsilli Reġjonali.
Marisa Pisani, li hija direttur tal-Istrateġija u l-Implimentazzjoni tal-Politika, qalet li minn dan il-kunċett se joħorġu żewġ fatturi importanti tal-governanza tajba, li huma l-effetività u l-effiċjenza
“Minkejja li l-maniġers diġà huma esperti fil-qasam tagħhom, iżda nafu li l-Kunsilli, kemm dawk reġjonali kif ukoll dawk lokali, huma regolati bil-liġi apparti affarjiet oħra.”
Is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali, Alison Zerafa Civelli, qalet li hija ħerqana biex dan l-investiment fir-riżors uman fil-Kunsilli Reġjonali jissarraf f’tisħiħ fuq it-tajjeb li diġà hemm, għax il-ħaddiema huwa wieħed mill-aktar riżorsi importanti għall-implimentazzjoni effettiva u effiċjenti tal-istrateġiji fi ħdan kwalunkwe organizzazzjoni.
“Kienet wegħda elettorali li l-Gvern ċentrali jsaħħaħ u jinvesti fl-istrutturi tal-Kunsill reġjonali, u għalhekk, permezz ta’ dan il-kors, se nkunu qegħdin nagħtu aktar saħħa lill-Kunsill reġjonali iżda mhux biss: aħna nemmnu kemm huwa importanti r-riżorsi umani”.