Din il-ġimgħa beda uffiċċjalment l-ewwel kors ta’ Care Assistant f’Għawdex. Dan tħabbar fi żjara li għamlet is-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilita’ u Anzjanita’ Attiva Justyne Caruana waqt sessjoni ta’ taħriġ li kienet għaddeja fil-Learning Hub t’Għajnsielem.
Għal dan il-kors qiegħdin jattendu madwar 80 persuna minn Għawdex li qed jinghataw ghall-ewwel darba l-opportunita’ li jagħmlu dan il-kors f’Għawdex stess. Il-kors huwa akkreditat mill-Universita’ ta’ Malta u huwa ekwilvalenti għall-erbatax-il credit tal-Fakulta’ tal-Arti Liberali. Għall-ewwel darba, l-kors qed isir fuq bażi part time għal min jaħdem.
Matul din is-sena saret rivoluzzjoni sħiħa fejn jidħlu s-servizzi għall-anzjani. Għall-ewwel darba f’Ghawdex inbdew is-servizzi ta’ night shelter, respite, kura residenzjali f’dar privata permezz ta’ sodod imħallsa mill-Gvern, servizzi fil-komunita’ kif ukoll l-proġett tal-Live in carer. Dawn is-servizzi huma kollha ġodda u ħolqu bosta impjiegi fil-qasam tal-kura tal-anzjani.
Hija qalet li l-missjoni tas-Segretarjat taghha huwa li joffri aktar opportunitajiet lill-Għawdxin f’Għawdex stess filwaqt li jiżviluppa aktar riżorsi umani għall-qasam tal-anzjani. Hija qalet li dan huwa importanti fid-dawl tal-impjiegi li qiegħdin jinħolqu fis-settur tal-kura tal-anzjani f’Ghawdex stess u allura qed titwettaq ukoll wiegħda elettorali ta’ xogħol f’Għawdex għall-Għawdxin.