Kull min għandu iktar minn sittax-il sena, lesta l-iskola obbligatorja u jaf jikkomunika bil-Malti u bl-Ingliż, jista’ japplika għal kors li se jiftaħ dalwaqt biex isir carer.
B’dan il-kors akkreditat, li jsir b’kollaborazzjoni bejn l-Università ta’ Malta u r-residenza San Vinċenz de Paul, il-carers ikunu jistgħu jaħdmu fi kwalunkwe sptar jew qasam li jirrikjedi l-kura tal-carers, anki fil-privat.
Fiċ-ċentru fejn isir it-taħriġ f’San Vinċenz, iltqajna ma’ waħda mill-infermieri li toffri t-taħriġ.
Kimberley Xerri Borg Marks spjegat li l-kors jinkludi kemm teorija u prattika u huwa mifrux fuq sbatax-il ġimgħa fuq bażi full-time. Hemm ukoll il-possibilità li jsir fuq bażi part-time, f’perjodu ta’ erbgħin ġimgħa.
Qalet, “Qabel wieħed ma jmur fis-swali tingħata l-prattika simulata ġewwa t-training centre f’San Vinċens biex l-istudent ikun jaf x’inhu jistenna mill-iswali. Dawn huma każi ngħidulhom case scenarios li normalment wieħed jista’ jsibhom fl-iswali.”
L-istudenti jkollhom esperjenza ta’ prattika fl-iswali ta’ San Vinċenz, taħt superviżjoni l-ħin kollu.
Qalet, “F’dan il-kors eżempju jingħata l-first aid, eżempju pazjent ħassu ħass ħażin, wieħed x’għandu jagħmel, ovvjament dejjem niffolowjaw il-proċeduri u step by step ta’ x’wieħed għandu jagħmel.”
Fil-fatt, seba’ ġimgħat minn dan il-kors huma ddedikati għall-prattika.
Qalet, “Jekk inti tidħol fid-dinja tax-xogħol ma tkunx taf x’ħa ssib jiġifieri hija importanti li tipprattika qabel tidħol fid-dinja tax-xogħol. Tkun iggwidat sew mill-professjonisti li jafu x’inhuma jagħmlu u jkollok gwida tajjeb biex tagħmel xogħlok tajjeb u toffri kwalità ta’ kura tajba fl-aħħar mill-aħħar.”
L-applikazzjonijiet jibqgħu jintlaqgħu sal-għoxrin ta’ Settembru u kull applikant issirlu intervista qasira qabel jibda l-kors fis-sitta u għoxrin ta’ Settembru.
Fil-ġimgħat li ġejjin ħa jitqassam fuljett informattiv fid-djar u kull min jixtieq aktar informazzjoni jista’ jċempel fuq 22912473 jew jibgħat imejl fuq training-centre.svp@gov.mt.