F’San Vinċenz de Paul qed isir kors mifrux fuq għaxar lezzjonijiet, li l-għan tiegħu se jgħin lill-qraba ta’ dawk in-nies li għandhom id-dimensja.
ONE News tkellem mal-kordinatriċi tal-kors, l-infermiera Rebecca Cutajar, li spjegat magħna li dan huwa kors li huwa bla ħlas u jitratta diversi aspetti.
Qalet, “Jinvolvi suġġetti bħal pereżempju, propju s-sintomi li int tista tagħraf xi behaviours li tista’ tinnota f’dawn il-persuni bid-dimensja, kif aħna nistgħu nagħmlu attivitajiet magħhom, kif iġġib ruħek, x’servizz hawn għax hawn ħafna servizzi fil-komunita li sfortunatament in-nies fil-pubbliku mhux dejjem ikunu jafu bih.”
Wieħed mil-letturi ta’ dan il-kors qal kif minnu qed joħorġu aspetti pożittivi.
Spjega, “In-nies ħarġu aspetti pożittivi minn dawk li attendew il-kors. Ovvjament jitgħallmu ħafna permezz ta’ dan il-kors, jitgħallmu kif għandhom iġibu ruħhom ma’ persuna bid-dimensja u kif għandhom jagħtu kura aħjar.”
Waqt li konna waqt waħda minn dawn il-lezzjonijiet ta’ dan il-kors, li bħalissa qed isiru online, tkellimna ma’ waħda mill-parteċipanti. Hija qalet magħna kif hija qed tattendi dan il-kors hekk kif ommha għandha d-dimensja.
Qalet, “Għeni ħafna ħafna, għax anke ċertu affarijiet li ma kontx nafhom u appoġġ, li bil-lezzjonijiet li għamlulna, għeni ħafna. Din tal-paċenzja l-aktar li għeni jien għax bdejt ngħid, tgħid jien biss inħossni hekk nervuża u ma nistax nagħmel ċertu affarijiet kif suppost.”