Ġie żviluppat kors Top Up għall-edukaturi tal-kindergarten f’livell ta’ Baċellerat.
Dan bil-għan li jintlaħqu dawk l-edukaturi tal-kindergarten li diġà għandhom Diploma Nazzjonali Għolja f’Livell 5.
Dan wara li ġie ffirmat ftehim bejn l-istitut għall-Edukazzjoni u l-MCAST għal dan il-għan.
Il-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana innotat kif dan il-kors ser ikun investiment mhux biss fl-edukaturi li ser ikomplu jtejbu l-ħiliet tagħhom b’riżultat wkoll ta’ titjib fis-salarju, iżda wkoll fis-settur edukattiv f’pajjiżna.
Hija qalet, “Aħna għadna kemm nedejna l-politika għall-edukazzjoni tal-etajiet bikrin jiġifieri minn Żero sa seba’ snin u fejn f’din il-firxa, din il-faxxa għandek il-kindergarten educators u dan hu li qed nagħmlu llum. Qed nagħtu l-opportunità lill-kindergarten educators tagħna li minn livell tnejn jitilgħu għal-livell tlieta.”
Il-Prinċipal u Kap Eżekuttiv tal-MCAST Joachim James Calleja stqarr kif dan il-ftehim iffirmat ser ikun qed isaħħaħ l-offerta u l-opportunitajiet għall-edukaturi li fil-futur ser ikunu qed jieħdu ħsieb li kull student jirnexxi.
Il-Kap Eżekuttiv għall-Istitut għall-Edukazzjoni Joanne Grima stqarret kif dan il-ftehim ser jassigura li l-edukazzjoni li tingħata lit-tfal f’età bikrija tkun waħda wkoll tal-aqwa kwalità.
Il-kors ser ikun qed jingħata fuq bażi part-time fuq medda ta’ tmintax-il xahar u se jibda f’Jannar li ġej.
L-applikazzjonijiet se jiftħu fil-15 ta’ Novembru li ġej.