Ġie varat il-kors ‘Award in Leading a Family Business’ b’diversi lezzjonijiet u taħriġ bil-għan li n-negozji tal-familja jiżviluppaw soluzzjonijiet konkreti għall-problemi li jistgħu jiffaċċjaw fin-negozju tagħhom.
Dan qed isir b’kollaborazzjoni mal-Uffiċċju tan-Negozju tal-Familja u EMCS Academy, u l-Kamra tal-Kummerċ, l-Intrapriża u l-Industrija. Dan iI-kors huwa akkreditat mill-Malta Further and Higher Education Authority f’livell ta’ MQF/EQF 5 bi 3 ECTS.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet mill-Kamra tal-Kummerċ, il-Ministru responsabbli mill-Intrapriża Miriam Dalli sostniet li meta negozju tal-familja jimxi minn ġenerazzjoni għall-oħra, il-ħiliet meħtieġa jgħinu biex din it-tranżizzjoni ssir b’suċċess.
Il-President tal-Kamra tal-Kummerċ Chris Vassallo Cesareo qal li n-negozji tal-familja ilhom għal żmien twil il-pedament tal-ekonomiji madwar id-dinja u għandhom elementi uniċi ta’ tradizzjoni, valuri, u reżiljenza li jiddistingwuhom minn intrapriżi oħra.
Min-naħa tiegħu d-Direttur tal-EMCS Academy Ramon Muscat spjega kif dan il-kors għandu ċ-ċans li joffri lill-imprendituri għarfien, ħiliet u l-kompetenza neċessarja biex ikunu jistgħu jmexxu n-negozju tal-familja, filwaqt li jkunu strateġiċi fil-ħsieb tagħhom.
Intant Dr Joseph Gerada, ir-Regolatur tal-Uffiċċju tan-Negozju tal-Familja, qal li dan huwa tragward importanti b’korsijiet maħsuba biex jipprovdu t-taħriġ neċessarju li jwassal lill-familji għal aktar suċċess fin-negozju tagħhom.
Dan il-kors huwa mistenni li jibda f’Novembru 2023 u jibqa’ għaddej sa April 2024.