Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana ħabbret kors ġdid għall-anzjani f’Għawdex bl-isem ta’ EM-Citizen. Dawn il-korsijiet se jingħataw lill-anzjani kolllha minn Mejju li ġej u qed isiru bil-kollaborazzjoni tal-Ministeru għal Għawdex u l-kumpanija TCTC.
Il-Ministru Caruana esprimiet s-sodisfazzjoni li, għal darb’oħra, l-anzjani Għawdxin għandhom l-opportunità li jiskopru u jkomplu jsaħħu l-għarfien li forsi ġa għandhom fil-qasam tat-teknoloġija. Hija qalet li l-impenn tal-Ministeru għal Għawdex huwa li jkollna soċjetà inklussiva, u dan jinkorpora fih il-litteriżmu fil-qasam tat-teknoloġija. Saħqet li dan huwa ċans uniku fejn l-anzjani jistgħu jiftħu orrizzonti ġodda f’dak li għandu x’jaqsam ma’ materjal u apparat teknoloġiku li forsi ftit li xejn għandhom esperjenza tiegħu, u b’hekk ikunu qed iżommu rwieħhom attivi kif ukoll aġġornati mal-bidla teknoloġika li għaddejjin minnha għal titjib fil-kwalità tal-ħajja tagħhom.
Il-Ministru għal Għawdex faħħret l-impenn tat-TCTC għal dan il-proġett u ħeġġet lill-anzjani kollha sabiex jattendu għal dawn il-korsijiet li b’inizjattiva tal-ministeru qed jiġu offruti b’xejn.