Permezz ta’ ftehim iffirmat bejn l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Iżviluppaturi u l-Istitut għall-Istudji Turistiċi ġie mniedi kors ġdid għall-aġenti tal-propjetà. Dan sabiex skont l-liġi ġdida kull aġent tal-propjetà ikollu liċenzja biex jagħmel dan ix-xogħol. Il-Prinċipal u l-Kap Eżekuttiv tal-akkademja tal-Assoċjazzjoni tal-Iżviluppaturi Maltin, Ray Abela, spjega li l-kors ser jibda jkun offrut mill-5 ta’ Ottubru u huwa maqsum f’żewġ livelli. L-ewwel livell maqsum f’erba’ taqsimiet u t-tieni livell b’taqsima waħda.
“Ħa jkollhom l-opportunità li jagħmlu dan il-kors li huwa twil sitta u ħamsin siegħa u imbgħad għandhom top up ta’ tmienja u għoxrin siegħa li finalment jieħdu dan iċ-ċertifikat li jippermettilhom il-liċenzja fl-aħħar. Mhux hekk biss imma għaqqadna wkoll barra l-liċenzja, għaqqadna wkoll iċ-ċertifikat tant bżonnjuż fil-qasam tal-kostruzzjoni li huwa l-‘Health and Safety card.’
Dan il-kors ser jingħata b’taħlita ta’ lezzjonijiet fejn l-istudent mitlub ikun preżenti fiżikament fil-klassi, kif ukoll lezzjonijiet virtwali.
Is-Segretarju Parlamentari Chris Agius spjega kif l-aġenti tal-propjetà huma mitluba jlestu l-kors sa Diċembru tas-sena d-dieħla biex mill-bidu tal-elfejn tnejn u għoxrin, kull aġent huwa mitlub li jkollu l-liċenzja.
“Din il-liġi taħseb ukoll li dawk is-sensara ż-żgħar tar-raħal ikunu jistgħu jagħmlu dan ix-xogħol mingħajr ma jkollhom bżonn ikollhom il-liċenzja, pero ma jistgħux jagħmlu aktar minn żewġ tranżazzjonijiet fis-sena. Min jagħmel aktar minn żewġ tranżazzjonijiet għandu ikollu dan iċ-ċertifikat.”
Il-President tal-Assoċjazzjoni tal-Iżviluppaturi Maltin, Sandro Chetcuti stqarr kif dan il-kors huwa importanti sabiex dan is-settur ikompli jilħaq livelli ogħla u jkun wieħed professjonali.
Il-Ministru għat-Turiżmu, Julia Farrugia Portelli stqarret kif dan il-ftehim huwa l-aqwa ċertifikat għall-ITS li bħala istituzzjoni edukattiva evolviet b’mod gradwali iżda b’mod b’saħħtu ħafna. Il-Ministru għall-Infrastruttura, Ian Borg spjega kif ir-riforma fil-qasam tal-kostruzzjoni ser tibqa’ għaddejja u appella għall-koperazzjoni ta’ kull min huwa involut.