L-Università ta’ Malta u l-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat iffirmaw ftehim li, permezz tiegħu, se jitnieda, għall-ewwel darba, kors ġdid fl-istudji dwar il-volontarjat, bl-isem ta’ ‘Undergraduate Certificate Course in Volunteering Studies’.
Dan il-kors ta’ taħriġ f’livell 5 MQF se jsir b’investiment ta’ €12,000 mill-Gvern u se jkun mifrux fuq medda ta’ sena fuq bażi part time, bl-ewwel lezzjonijiet jibdew f’Ottubru li ġej.
Il-kors se jagħti ħarsa ġenerali lejn kull min jipprattika l-volontarjat billi jagħti l-għarfien, il-ħiliet u l-valuri meħtieġa biex ikun hemm impatt aktar effettiv f’dan is-settur kruċjali.
Il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat, Julia Farrugia Portelli, saħqet li dan il-kors edukattiv se jsaħħaħ l-impenn ta’ min jaħdem fil-volontarjat u għandu għal qalbu s-soċjetà.
“Din hi wegħda elettorali li se tagħti l-opportunità lill-voluntiera f’pajjiżna li jagħmlu l-qabża ’l quddiem fejn tidħol l-akkademja u perkors edukattiv tagħhom ukoll. Din hi opportunità biex dawk li għandhom is-settur tal-volontarjat għal qalbhom ukoll jidħlu għal dan il-kors Universitarju li se jkun qed jittella’ għall-ewwel darba.”
Il-Ministru Julia Farrugia Portelli
Filwaqt li faħħar din l-inizjattiva, il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isports, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Clifton Grima, spjega li b’dan il-kors qed tingħata l-opportunità mhux biss lill-istudenti, imma anke lil dawk kollha li jħossu li l-volontarjat hu parti minn ħajjithom.
“L-Univeristà ta’ Malta għandha rwol importanti ħafna fis-soċjetà tagħna, li għal darb’oħra qegħdin naraw iħalli l-frott tiegħu permezz ta’ dan il-ftehim, li se jorbot l-Università mas-settur tal-volontarjat. Settur li hu professjonali ħafna f’xogħlu u aħna qegħdin nagħtu valur miżjud proprju lil min jibbenefika minn dan il-ftehim li se jkun qed jagħti pjattaforma biex dak li jkun jagħmel differenza fil-ħajja tiegħu u fuq kollox fuq il-bqija tas-soċjetà.”
Il-Ministru Clifton Grima
Ir-Rettur tal-Università, il-Professur Alferd J. Vella, qal li din l-inizjattiva tenfasizza l-impenn tal-istituzzjoni biex iħeġġeġ l-ispirtu ta’ servizz komunitarju u impenn ċiviku fost l-istudenti.