11-il uffiċjal mill-korp tal-pulizija lestew b’suċċess kors ta’ taħriġ fl-investigazzjonijiet forensiċi. Il-kors ta’ ħames ġimgħat sar minn esperti Olandiżi min-‘Netherlands Forensic Insitute Scene of Crime Experts.’ Dan sabiex l-uffiċjali Maltin ikomplu jitgħalmu u jiksbu għarfien minn uħud mill-aqwa uffiċjali forensiċi fl-Ewropa.
L-ispettur Charlot Casha, spjega kif fil-kors l-uffiċjali tgħalmu iżjed dwar kampjuni tad-DNA, Fotografija fuq ix-xena tar-reat, l-analizi tat-tbajja tad-demm u kif tiġi ppreservata u investigata l-evidenza.
L-ispettur Casha spjega kif l-investigazzjoni forensika hija taqsima xjentifika u għalhekk l-uffiċjali dejjem iridu jaġġornaw it-tagħrif tagħhom skond il-metodi ġodda li jibdew jintużaw u t-tibdil fix-xeni tar-reati.
Is-surġent Francesco Imbroll, spjega kif korsijiet bħal dawn huma investiment dirett fih u fl-uffiċjali sħabu li issa jistgħu jaqdu dmirijiethom aħjar u jiġġieldu bil-qawwa kollha l-kriminalità.
Min-naħa tiegħu, l-ministru tal-intern u s-sigurtà nazzjonali, Michael Farrugia saħaq li sabiex il-korp tal-pulizija ikompli jissaħħaħ fil-ġlieda tiegħu kontra l-kriminalità importanti li l-uffiċjali ikabbru t-tagħrif tagħhom filwaqt li jkompli jiġġeddu u jiġu mmodernizzati l-metodi użati. Saħaq li dan isir biss permezz ta’ dawn il-korsijiet li fihom l-uffiiċjali maltin jitagħlmu direttament minn esperti barranin.
Preżenti wkoll għaċ-ċerimonja tal-għoti taċ-ċertifikati, s-Segretarju Parlamentari Deo Debattista saħaq li din l-attività bejn Malta u l-Olanda kompliet tkabbar l-għarfien tal-korp tal-pulizija Malti.