L-isfida tas-saħħa mentali nindirizzawha fil-komunità iżda fuq kollox il-komunità trid tkun mgħarrfa biżżejjed u mħarrġa biex tgħin lin-nies b’din l-isfida. Messaġġ importanti li għaddiet Dr Lydia Abela f’diskussjoni ma’ studenti tad-disa’ sena fl-iskola sekondarja taż-Żejtun fi ħdan il-Kulleġġ San Tumas More, wara li dawn l-istudenti temmew b’suċċess kors dwar l-ewwel għajnuna għas-saħħa mentali.
Dan il-kors taħt il-kappa ‘SPEAK’, li se tkompli tqajjem l-għarfien dwar is-saħħa mentali, beda jingħata lill-istudenti tad-disa’ sena fl-iskejjel kollha. Il-kors hu riżultat tad-donazzjonijiet fl-inizjattiva ‘Smiles with Miles’ li mexxiet Dr Lydia Abela u finanzjament mill-Bank of Valletta. Kors li bil-koperazzjoni tal-Fondazzjoni Richmond, qed jgħin lill-istudenti jifhmu aħjar l-ewwel tip ta’ għajnuna li tingħata f’każ li jiltaqgħu ma’ sitwazzjonijiet ta’ persuni li jkollhom sfidi ta’ saħħa mentali. Mart il-Prim Ministru ħadmet mill-qrib mal-fondazzjoni msemmija u mal-Kummissarju għas-Saħħa Mentali Dennis Vella Baldacchino fejn imbagħad tfassal il-kors li jħarreġ lill-istudenti fuq bosta ħiliet, fosthom kif jidentifikaw ċerti sinjali ta’ sfidi ta’ saħħa mentali. Il-kors mifrux fuq 25 siegħa hu offrut ukoll lill-edukaturi tal-istess studenti. Dan jagħmel enfasi wkoll fuq il-ħtieġa tas-sensittività u l-bżonn tal-empatija. Sa issa ħadu l-kors madwar ħamest elef student u tliet mija u tletin edukatur.
Dr Abela sostniet li din l-inizjattiva hi eżempju tanġibbli ta’ kif is-saħħa mentali ma tibqax tabù iżda tkun fuq l-aġenda tad-diskussjoni f’ħajjitna u nindirizzawha. “L-istudenti u ż-żgħażagħ tagħna huma l-aqwa eżempju bil-fatti li bih nistgħu nxettlu ħiliet importanti biex inkunu ta’ spalla għal min għaddej minn sfida ta’ saħħa mentali”, sostniet Lydia Abela hi u tisħaq ukoll li s-soċjetà trid tkun waħda li tagħti ċans lil kull persuna terġa’ tqum fuq saqajha u tgħix aħjar. Mart il-Prim Ministru żiedet tgħid li b’din l-inizjattiva jikber l-għarfien u l-prevenzjoni, żewġ prinċipji importanti.
Preżenti fl-iskola kien hemm ukoll il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima u l-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela. Il-Ministru Grima qal li l-aspett edukattiv dejjem hu għodda importanti biex ikabbar l-għarfien. Qal li l-iskejjel tagħna permezz ta’ dan il-kors qed juru bil-fatti kif is-sens wiesa’ tal-edukazzjoni hu utli għall-ħajja. Min-naħa tiegħu, il-Ministru Abela mhux biss faħħar din l-inizjattiva li tmur id f’id mal-viżjoni tal-Gvern fuq is-suġġett iżda sostna li l-inizjattiva bħal din turi kemm is-saħħa mentali ma tinvolvix biss kura u mediċini.