Kors ġdid se jkun qed jiffoka fuq il-kura u is-sapport ta persuni bi problemi ta’ saħħa mentali. Dan il-kors li se jkun offrut għall-ewwel darba min-Novembru li ġej se jkun qed jingħata minn Learning Works bil-lezzjonijiet se jiġu mogħtija mill-professjonisti tar-Richmond Foundation. Għall-kors se jkunu jistgħu japplikaw l-individwi kollha interessati fosthom l-organizazzjonijiet li jkunu jridu jħarġu l-ħaddiema tagħhom. Dan filwaqt li t-tagħlim se jkun utli l-iktar għal dawk li jaħdmu fis-settur tal-kura jew dawk li jaspiraw li jidħlu f’dan is-settur bħala careworkers.
Il-kap eżekuttiv tar-Richmond Foundation Sefania Dimech Sant saħqet kif f’dan il-kors l-professjonisti fi ħdan il-Fondazzjoni se jgħaddu t-tagħrif li ġabru tul iż-żmien lil bosta ħaddiema fis-settur tal-kura.
Il-kap eżekuttiv ta’ Learning Works, Charlo Bonnici saħaq kif dan il-kors se jkun qed jgħammar bosta ħaddiema bil-kwalitajiet neċessarji sabiex persuni bi problemi ta’ saħħa mentali jingħataw is-sapport u l-kura adekwata. Stqarr kif iħares il-quddiem sabiex fil-ġejjieni jsir kors dwar il-kura ta’ persuni b’diżabilità.
Il-kummissarju għas-Saħħa Mentali, John Cachia stqarr kif korsijiet bħal dawn jimxu id f’id mal-istrateġija l-ġdida għas-saħħa mentali imħabbra mill-Gvern.