Il-Ġimgħa, il-Ministru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali Ian Borg u s-Segretarju Parlamentari għall-Ippjanar u s-Suq tal-Proprjetà Chris Agius nedew kors bla ħlas li qiegħed jitħejja b’kollaborazzjoni bejn il-Kunsill Konsultattiv għall-Industrija tal-Bini (BICC) u l-kumpanija TCTC, maħsub biex iżid il-litteriżmu diġitali fl-industrija tal-bini u tal-kostruzzjoni. Il-kors se jkun qed isiru b’appoġġ mill-BICC u l-Ministeru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali.
Il-Ministru Ian Borg tkellem dwar id-diversi inizjattivi u riformi pożittivi li qegħdin isiru biex tiżdied il-kwalità ta’ din l-industrija, b’mod speċjali favur aktar sigurtà, responsabilitajiet aktar ċari, trasparenza u prodott ta’ kwalità li tixraq lill-pajjiż.
“Qed naħdmu biex naraw li din l-industrija tkun waħda bl-aqwa standards u li tirrispetta lin-nies. Din kienet il-wegħda tal-gvern u qed naraw li nwettquha. Sena ilu nedejna l-konsultazzjoni pubblika biex inwaqqfu Awtorità tal-Kostruzzjoni u l-Bini, li se tkun qed toffri qafas legali aktar ċar. Imma ma waqafniex hemm. Sadanittant wettaqna riforma importanti matul is-sajf filwaqt li waqqafna aġenzija li qed taħdem biex tikkonsolida diversi liġijiet,” qal il-Ministru Ian Borg.
Huwa semma wkoll il-ħidma li għaddejja favur l-introduzzjoni tal-Considerate Constructor Scheme, li tippremja lil dawk li jaħdmu fis-settur b’mod sostenibbli u li jirrispetta l-madwar. Hawnhekk, il-Ministru faħħar lill-BICC għall-irwol tagħha f’dan il-proċess u għall-ħidma li twettaq ta’ kuljum favur it-taħriġ ta’ diversi professjonisti u nies tas-sengħa fuq aspetti differenti, fosthom is-saħħa u s-sigurtà, is-sengħa tal-ħitan tas-sejjieħ, korsijiet tas-CPD u anke oħrajn dwar manutenzjoni ta’ djar b’karatteristiċi Maltin.
Il-Ministru Borg iddeskriva l-inizjattiva li kienet qed tiġi varata llum bħala oħra importanti li tmur lil hinn mill-prattiki fuq is-sit imma tħares b’mod dirett lejn it-tmexxija tal-attivitajiet u n-negozji li jiffurmaw din l-industrija.
“Irridu li n-nies li jaħdmu f’kull settur jilħqu l-aqwa standards u jkollhom l-aqwa taħriġ anke fuq livell amministrattiv. Fl-aħħar mill-aħħar, is-suċċess tan-negozji, anke dawk żgħar, huwa parti mis-suċċess ta’ pajjiżna,” qal il-Ministru Borg.
Huwa wera l-appoġġ sħiħ tiegħu għall-BICC u t-TCTC f’din l-inizjattiva filwaqt li faħħar lill-awtoritajiet l-oħrajn tal-Ministeru li b’xi mod taw il-kontribut tagħhom, fosthom l-Awtorità tal-Ippjanar.
“Inħares ’il quddiem biex naraw nies mill-industrija jersqu ’l quddiem għal dan il-kors, filwaqt li nibqgħu impenjati favur industrija ta’ kwalità kif jixraq lil pajjiżna,” għalaq il-Ministru Ian Borg.
Is-Segretarju Parlamentari Chris Agius qal li l-Gvern irid prattiċi aħjar fl-industrija tal-kostruzzjoni.
Huwa ħabbar li għal dan il-għan se jitnieda dan il-kors bl-isem ta’ E-Construct, immirat sabiex kull min hu f’din l-industrija jew jixtieq jidħol f’din l-industrija, ikollu l-għarfien meħtieġ sabiex jitjiebu l-prattiċi f’dan il-qasam.
“Irridu ninfurmaw lil kull min hu fl-industrija bl-obbligi u opportunitajiet li toffri l-industrija tal-kostruzzjoni,” saħaq is-Segretarju Parlamentari Agius.
Min-naħa tiegħu ċ-Chairman tal-BICC, il-Perit Charles Buhagiar, tkellem dwar il-ħidma li l-BICC qed twettaq favur industrija tal-bini ta’ kwalità għolja. Hu spjega l-ħtieġa li dawk kollha li jaħdmu fl-industrija jew li huma apprentisti fl-industrija jkomplu jedukaw ruħhom favur industrija dejjem ta’ kwalità aħjar.
Id-Direttur tat-TCTC s-Sur Ray Abela ta preżentazzjoni fejn spjega l-mod kif se jkun imqassam il-kors ta’ 30 siegħa.