- Uchenna Anyanwu, l-ex Team Manager tal-klabb, sospiż għal għomru
Il-Bord tal-MFA li jiġġudika akkużi dwar korruzzjoni u imħatri illeċiti fil-futbol ordna il-piena ta’ 10 punti, multa ta’ €5,000 u sospensjoni mill-kompetizzjonijiet internazzjonali għal ħames snin fil-konfront ta’ Pembroke Athleta FC wara li l-klabb instab ħati li kiser ir-regolamenti dwar korruzzjoni u mħatri fil-futbol.
F’sentenza separata, Uchenna Anyanwu, l-ex Team Manager ta’ Pembroke Athleta FC, ġie sospiż għal għomru minn kull attività tal-futbol wara li l-istess Bord sabu ħati li kiser ir-regolamenti tal-Assoċjazzjoni dwar korruzzjoni.
Is-Sur Anyanwu qed jiffaċja akkużi kriminali fil-qorti dwar allegati attentati ta’ korruzzjoni relatati ma’ żewġ partiti tal-Premier League fl-istaġun 2016-2017 – Pembroke Athleta FC vs Mosta FC, li ntlagħbet fil-11 ta’ Frar, 2017, u Mosta FC vs Birkirkara FC, li ntlagħbet fl-4 ta’ Jannar, 2017.
Fil-każ kontra Pembroke Athleta, l-Bord innota: “Għalkemm ma rriżultax li l-kumitat ta’ Pembroke Athleta FC kien involut fl-allegat attentat ta’ korruzzjoni, il-Liġijiet u Regolamenti tal-Malta Football Association jistabbilixxu b’mod ċar li, kull darba li jirriżulta li uffiċjal ta’ klabb hu involut, il-klabb għandu jġorr ir-responsabbiltà”.
Fil-perjodu meta s-Sur Anyanwu kkommetta l-offiżi allegati u li dwarhom ġie sospiż għal għomru mill-MFA, hu kien jokkupa l-kariga ta’ Team Manager ta’ Pembroke Athleta FC.
Fid-dawl ta’ dawn l-allegazzjonijiet, il-Malta Football Association kienet immedjatament ħarġet sospensjoni proviżorja fil-konfront tas-Sur Anyanwu sakemm joħroġ l-eżitu tal-passi dixxiplinarji kontrih, liema proċess issa ġie konkluż.
Filwaqt li kkunsidra l-fatt li Pembroke Athleta FC diġa ġew relegati għal diviżjoni inferjuri fuq merti sportivi, l-Bord ikkonkluda: “F’dawn iċ-ċirkostanzi, il-Bord hu tal-fehma li, għalkemm huma (Pembroke Athleta FC) m’għandhomx ikunu penalizatti b’relegazzjoni għal diviżjoni iktar inferjuri, il-Bord jiddeċiedi li jimponi multa ta’ €5,000, telf ta’ għaxar (10) punti fl-istaġun li jmiss, 2017-2018, u sospensjoni mill-kompetizzjonijiet internazzjonali għal ħames (5) snin.”
Pembroke Athleta FC u s-Sur Anyanwu għandhom dritt jappellaw mid-deċiżjonijiet meħuda mill-Bord li jiġġudika akkużi dwar korruzzjoni u imħatri illeċiti fil-futbol.