It-Team Manager tal-klabb tal-futbol ta’ Pembroke tressaq il-Qorti mixli li fl-aħħar ġimgħat prova jxaħħam xi plejers mit-tim tal-Mosta.
Uchenna Anyanwu ta’ tletin sena min-Niġerja ġie akkużat li assoċja ruħu ma’ nies oħra biex jixtri xi plejers mit-tim tal-Mosta, fejn dawn tal-aħħar ġew megħluba minn l-istess Pembroke bl-iskor ta’ ħamsa b’xejn.
In-Niġerjan ċaħad l-akkużi miġjuba kontrih iżda nżamm taħt arrest preventiv.
Il-Qorti ordnat ukoll rapport dwar l-assi tal-akkużat, anki fid-dawl li għandu oħtu taħdem f’bank fin-Niġerja u l-prosekuzzjoni uriet it-tħassib tagħha li l-akkużat jista’ jittrasferixxi xi flus.
Aktar Kmieni
Niġerjan qiegħed jinżamm arrestat mill-Pulizija b’rabta ma’ korruzzjoni fil-logħob. Sorsi qalulna li kien jilgħab hawn Malta u li ilu ħafna snin hawn Malta.
Dan se jitressaq il-Qorti fil-ħin li ġej. Aktarx se jitressaq b’rabta ma’ logħba tal-Premier Malti bejn Pembroke u l-Mosta, li ntemmet bl-iskor ta’ 5-0 favur Pembroke. Intqal li hu avviċina xi players, iżda kien arrestat qabel bdiet il-logħba. Huwa qed jiċħad allegazzjonijiet ta’ tixħim, iżda sorsi qalulna li hemm xi players li kixfuh.
Sorsi qalulna wkoll li hu kien qed jaħdem biss ta’ messaġġier, u hemm xibka kbira ta’ korruzzjoni f’dan l-isport li tinvolvi l-eluf kbar ta’ flus.