Se tkompli ssir ġustizzja mas-sidien tar-raba’.
Kien dan il-kliem li uża mal-mikrofonu ta’ ONE News il-Kordinatur tal-Għaqda Bdiewa Attivi, Malcolm Borg b’reazzjoni għall-miżura li se tara t-tneħħija tat-taxxa tas-suċċessjoni għal bdiewa professjonali fuq art agrikola li tinħadem.
Din ir-riforma hija waħda mill-ħemel ta’ miżuri li tħabbru fil-baġit għas-sena d-dieħla, bit-tema “Malta Ġusta”.
Huwa spjega kif ma kienx gust li sidien tar-raba’, li jikru r-raba’ lill-bdiewa, iħallsu eluf kbar ta’ flus f’taxxa tas-suċċessjoni.
Qal, “L-Għaqda tal-Bdiewa minn dejjem ħasbet li din hija xi ħaġa unfair, u fl-aħħar issa tajjeb li din it-taxxa tas-suċċessjoni telqet għax qed nkunu aktar fair mas-sidien.”
Huwa fakkar li t-taxxa tas-suċċessjoni telqet ukoll għall-bdiewa professjoniali.
Qal, “Il-bdiewa li qed jaħdmu r-raba’ u li t-tfal tagħhom se jirtu din l-art m’għandhomx għalfejn iħallsu t-taxxa tas-suċċessjoni lanqas, li hija xi ħaġa pożittiva ħafna u li ntlaqgħet tajjeb ħafna mingħand il-bdiewa anke minħabba l-fatt li din qed tixpruna bdiewa żgħażagħ biex ikomplu jaħdmu l-art mingħajr dan il-piż żejjed li irridu jħallsu spiża għolja ħafna.”
Miżura oħra li tħabbret it-Tnejn se tara lill-Gvern ikompli jnaqqas l-għoli tal-prezzijiet tal-ġwież u d-dqiq.
L-Għaqda Bdiewa Attivi laqgħet ukoll b’sodisfazzjon it-twaqqif ta’aġenzija, li se tkun responsabbli mill-art agrikola. Din l-aġenzija se tirreġistra l-kirjiet agrikoli u tistabbilixxi miżuri għall-ħarsien tar-raba’.
Dwar l-introduzzjoni tal-miżura ta’ tikketti ġodda, li jidentitfikaw prodotti lokali, Malcolm Borg qal li din it-tikketta se sservi ta’ promozzjoni tal-prodott lokali.
Qal, “It-tikketti huma garanzija li dak li qiegħed tixtri huwa Malti. B’hekk naħseb li hija xi ħaġa pożittiva għall-produtturi Maltin li se jkun hemm din il-forma ta’ tikketta li tgħin lil min ikun qed jagħżel l-ikel lill-konsumatur biex jassigura li fil-verità, il-prodott huwa Malti.”