Taħt id-direzzjoni ta’ Jean Paul Attard, flimkien mal-Assistent Direttur u pjanista Roanna Vella, il-kor St Monica Vocal Ensemble u l-Vancouver Island Choir mill-Kanada, immexxija minn Patricia Plumley u akkumpanjati mill-pjanista Andrea Lahmer, se jtellgħu kunċert konġunt bl-isem “Voices of Two Islands”, b’riżq Hospice Malta. Dan l-avveniment se jittella’ nhar is-Sibt, 11 ta’ Mejju, 2024, fis-sala Robert Samut fil-Furjana.
Il-kunċert jiżvolġi bil-Vancouver Island Choir jippreżenta diversi siltiet, fosthom ‘Fa Una Canzone’, ‘Kyrie’ (Antonio Lotti), ‘Ecco Mormorar l’Onde’, ‘The Prayer’ u ‘Didn’t My Lord Deliver Daniel’. Wara dawn is-siltiet, il-Vancouver Island Choir flimkien mal-kor St Monica Vocal Ensemble se jkantaw flimkien ‘Nella Fantasia’ tal-kompożitur magħruf Taljan Ennio Morricone.
Fit-tieni parti tal-programm, il-kor St Monica Vocal Ensemble se jkun qed ikanta diversi siltiet, fosthom ‘What a Wonderful World’, akkumpanjati minn Nicholas Busuttil fuq it-trumbetta, ‘Bella Ciao’, ‘Irish Blessing’, ‘Da Pacem Domine’, u s-silta popolari ‘Hallelujah’ ta’ Leonard Cohen.
Hekk kif is-serata tasal fi tmiemha, il-Vancouver Island Choir jippreżenta ‘A Canadian Mosaic’ b’siltiet minn diversi kanzunetti tradizzjonali. Il-kunċert jagħlaq biż-żewġ korijiet jingħaqdu f’armonija hekk kif jinterpretaw ‘Għanjiet Maltin’, ġabra ta’ kanzunetti tradizzjonali Maltin irranġati mill-eks membru tal-kor St Monica Vocal Ensemble, Mario Attard.
Il-kunċert jibda fis-7:00pm u dawk li jixtiequ jattendu huma ġentilment mitluba jagħtu kontribuzzjoni żgħira ta’ €10, bi dħul imur għal kawża nobbli ta’ Hospice Malta. Il-biljetti għal dan il-kunċert jistgħu jiġu assigurati minn qabel, minn fuq https://forms.office.com/e/eRbvSJiyQG.