Il-Kor u orkestra Assumpta Est, li jagħti s-servizzi tiegħu fil-parroċċa tal-Gudja, ħa sehem fit-tieni edizzjoni tal-festival internazzjonali Together We Sing li ġie organizzat bejn it-30 ta’ Awwissu u t-3 ta’ Settembru 2022 f’Loutraki-Corinth fil-Greċja minn Diavlos. Il-Kor Gudjan kien immexxi mis-Surmast Stefan Caruana u kanta siltiet minn repertorju reliġjuż għal siltiet tradizzjonali Maltin. Il-kor wera’ l-kapaċità tiegħu billi kanta bil-Malti, bl-Ingliż, bit-Taljan u bil-Latin. Fost is-siltiet li kanta l-Kor u Orkestra Assumpta Est ta’ min isemmi Tina l-Ħlewwa (il-famuż innu miktub minn Dun Karm u immużikat minn Caruana), Il-Banda ta’ Indri, O Salutaris Hostia u The Miracle of Hannukah.
Barra l-kor mill-parroċċa tal-Gudja ħadu sehem fil-festival korijiet mill-Latvja, il-Litwanja, il-Belorus, l-Ungerija, ir-Rumanija u l-Greċja. Il-Kor Malti kanta f’Ancient Corinth u Zevgolatio. Barra minnhekk il-Kor kanta b’mod informali fil-monasteru ta’ San Patapios u fit-teatru Grieg ta’ Epidarus. Il-kor u l-familjari tagħhom kellhom ukoll l-okkażjoni li jżuru siti storiċi fil-madwar ta’ Korintu u Lutraki u f’Ateni.
Din kienet it-tieni esperjenza internazzjonali tal-Kor u Orkestra Assumpta Est. Filfatt qabel il-pandemija, il-kor mill-parroċċa tal-Gudja, kien kanta wkoll fil-Belt tal-Vatikan.