“Tibqa’ b’ħalqek miftuħ meta tara nies li kienu viċin tagħna jiċċelebraw l-imħabba tagħna u issa qiegħdin jiċħdu dak kollu li huma stess assistew b’entużjażmu.”
Dan kitbu Nicholas John Vella fuq il-profil tiegħu ta’ facebook, fejn esprima d-diżappunt tiegħu għal dikjarazzjonijiet u kummenti li qed isiru b’rabta mal-liġi taż-żwieġ ugwali. Nicholas issieħeb f’unjoni ċivili ma’ Edward Borg Bonaċi. Kien dan il-Gvern li ta l-istess drittijiet li għandha kull koppja oħra fis-soċjetà tagħna li ddeċidiet li tidħol għall-kuntratt taż-Żwieġ Ċivili lill-koppji omosesswali. F’April 2014, meta għaddiet il-liġi, l-Oppożizzjoni kienet astjeniet mill-vot fil-Parlament.
Huwa kompla jżied li l-imħabba wieħed qatt ma jista’ jiċħadha u qal lil dawn il-persuni li qed jitkellmu kontra din il-liġi li tfisser ħafna għal persuni LGBTIQ li “jasal iż-żmien tal-ġudizzju tagħkom.”
Dan kien biss wieħed fost il-ħafna kummenti li qed isiru fuq il-midja soċjali kontra dikjarazzjonijiet li huma kontra l-liġi taż-żwieġ ugwali. B’bosta nies jiddikjaraw li huma mweġġa’ bid-diskors li qed isir, fosthom mill-Membri Parlamentari Nazzjonalisti fil-Parlament, li ma jemmnux li persuni LGBTIQ għandu jkollhom dan id-dritt.