Josephine Harmsworth ta’ 41 sena u Alan Harmsworth ta’ 44 sena ngħataw il-ħelsien mill-arrest wara li huma tressqu l-Qorti akkużati li wettqu kummerċ bankarju mingħajr ma għandhom liċenzja biex jagħmlu dan.
Is-Sinjura Harmsworth hija sid ta’ ħanut u banka tal-lottu filwaqt li r-raġel ma jaħdimx minħabba li sofra diżabilità.
Huma wieġbu mhux ħatja għall-akkużi miġjuba kontrihom.
Id-Difiża talbet il-ħelsien mill-arrest, bil-prosekuzzjoni toġġezzjona għall-fatt li għad hemm min irid jitla’ jixhed.
Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Ian Farrugia laqgħet it-talba għall-ħelsien mill-arrest fuq kundizzjonjiet li l-koppja ma tavviċinax jew tikkomunika max-xhieda u li tiffirma kull nhar ta’ Tnejn u Ħamis fl-għassa tal-Pulizija tal-Ħamrun.
Il-Qorti talbet ukoll għall-iffriżar tal-assi tal-imputati, iżda d-Difiża se tkun qed tressaq rikors biex l-imputati jkunu jistgħu jiġbdu ammont ta’ flus skont kemm tippermetti l-liġi biex jibqa’ jsir il-ħlas tal-pagi u spejjeż oħra tan-negozju, filwaqt li l-imputat jagħmel użu mill-pensjoni tad-diżabilità li jirċievi.
L-imputati ngħataw il-ħelsien mill-arrest fuq depożitu ta’ tlett elef ewro u garanzija personali ta’ għaxart elef ewro kull wieħed.