Arvin Guerrero Silos ta’ 42 sena u Jemelyn Aliga Silos ta’ 40 sena, residenti Tal-Pietà, ingħataw il-ħelsien mill-arrest wara li tressqu l-Qorti akkużati b’ħasil ta’ flus u li wettqu frodi onlajn. Huma ġew akkużati wkoll li kkonvertew proprjetà meta kienu jafu li ġejja minn attività kriminali.
Fil-Qorti nstema’ kif il-frodi online sar permezz ta’ konverżazzjonijiet, fejn il-vittmi ħasbu li kienu qegħdin jikkomunikaw ma’ xi ħadd mill-Bank of Valletta. Huma ġew akkużati wkoll li għamlu ħsara lil ħames persuni, bi frodi li jaqbeż il-€5,000.
Il-koppja, Filippina, ilha madwar 14-il sena tgħix hawn Malta u fil-Qorti qalu li t-tnejn jaħdmu: ir-raġel jaħdem fuq id-dgħajsa u l-mara taħdem bħala carer.
Ir-raġel ammetta l-akkużi miġjuba kontrih, filwaqt li l-mara wieġbet li mhux ħatja għall-akkużi kollha. Id-difiża qalet li jekk kien hemm xi apps li kienu jgħajtu lilha, hi ma kinitx taf b’dak li kien qed isir.
Il-Qorti kienet ippreseduta mill-Maġistrat Joe Mifsud. Huwa laqa’ t-talba tal-ħelsien mill-arrest fuq depożitu ta’ €2,000 u garanzija personali ta’ €20,000 għal kull akkużat.
Il-koppja jridu wkoll jiffirmaw kuljum fl-għassa tal-Pulizija tal-Ħamrun.