Koppja Irlandiża ingħatat kumpens ta’ €30,000 wara li l-ġar tagħhom għamlilhom ħsara fuq Facebook.
Anthony Downes kiteb posts foloz dwar Patricia Barnett u r-raġel tagħha Paddy Murphy, għall-ebda raġuni partikolari. Il-koppja ressqu każ ta’ defamazzjoni fil-qorti ċivili ta’ Letterkenny Circuit. Downes, li ma deherx fil-qorti, ammetta l-azzjonijiet tiegħu u qabel li jagħmel apoloġija bla riżervi lill-koppja.
Patricia Barnett, tabiba tas-saqajn, qalet li bilkemm tafu u li ma tistax tifhem għala infexx jattakka lilha u lin-negozju tagħha fuq numru ta’ paġni fuq Facebook. Downed akkuża lir-raġel tat-tabiba li kellu relazzjoni ma mara oħra, u li ddeskriva lilha bħala mara li għandha piż żejjed u li l-eżerċizzju li qed tagħmel mhux jaħdem.
Barnett qalet li laħqet ħadet stampi tal-kitba fuq Facebook qabel din tħassret. Sostniet li ħassitha mweġġa’ kemm personalment kif ukoll professjonalment, u li kellha klijenti li ma marrux aktar għandha minħabba fl-effetti ta’ dak li nkiteb.
Il-koppja kellhom jispjegaw lill-uliedhom tewmin ta’ ħmistax-il sena li dak li nkiteb mhux vera. Fl-apoloġija tiegħu, Downes kellu jerfa’ responsabiltà u jitlob skuża għall-attakk fuq ir-reputazzjoni ta’ ħaddieħor.