Ian Xuereb u Simone Xuereb ta’ tlieta u tletin sena u ħamsa u tletin sena rispettivament wieġbu mhux ħatja u baqgħu jinżammu arrestati wara li anzjan ta’ ħamsa u sittin sena għamel rapport fejn allega li l-mara bdiet turi interess fih.
Ġara li l-mara qaltlu li kienet tqila u l-anzjan kien konvint li hu l-missier u għalhekk beda jagħtiha bosta ċekkijiet, rigali u ħafna oġġetti ta’ valur oħra li jammontaw għal aktar minn ħamest elef ewro.
Il-koppja li allegatament għamluha ta’ aħwa ttellgħu l-qorti mixlija b’miżapproprijazzjoni tal-flus b’mod aggravat peress li kien reat li seħħ għad-detriment ta’ persuna vulnerabbli. Dan filwaqt li kienu akkużati li frodaw tliet stabbilimenti għal somma inqas minn ħamest elef ewro.
Il-prosekuzzjoni xliethom ukoll li serqu l-karozza tal-anzjan.
Dan filwaqt li r-raġel kien separatament mixli li kiser kundizzjonijiet ta’ police bail u talli kien fil-pussess tad-droga eroina.
Inizzjalment il-Maġistrat Yana Micallef Stafrace laqgħet it-talba għall-ħelsien mill-arrest b’depożitu u garanzija personali ta’ ħamest elef ewro iżda l-Maġistrat biddlet fehmtha u nżammu arrestati wara li l-koppja kontiwament interrompew minkejja li kienu mwissija mill-avukati tagħhom u l-Maġistrat stess.