Li tqatta’ qamar il-għasel fl-Amerka u li tibqa’ tiftakru mhux xi ħaġa ta’ barra minn hawn iżda li tmur qamar il-għasel u tiltaqa’ ma’ Donald Trump hi xi ħaġa li ma tinsa qatt.
Hekk qalu ma’ ONE News, Glen u Genieve Vella, koppja friska miż-żwieġ wara li żżewwġu kmieni x-xahar li għadda wara li kienu diġà pposponew it-tieġ b’sena minħabba l-imxija.
Wara li wegħdu l-fedeltà lil xulxin fuq l-artal, Genieve u Glen taru lejn l-Amerka u magħhom anki ħadu l-kunjata għaliex Glen jaf lil Sergio Gor, eks Chief of Staff tal-Finanzi fil-kampanja ta’ Donald Trump.
Sergio mrobbi f’Bormla huwa ħabib tat-tfulija ta’ Glen u dejjem wegħdu li jdawru l-Amerka bil-patt li jieħu lil ommu miegħu.
Fuq Skype qabel iħallu l-Amerka u jirritornaw f’Malta, il-koppja qaltilna kif l-għatx biex iżuru l-Istati Uniti dejjem kien hemm.
Genieve qalet, “Dejjem kienet ix-xewqa tagħna li niġu l-Amerka u ovvjament nafu lil Sergio Gor li joqgħod ġewwa l-Amerka u Glen trabba miegħu.”
Glenn qal, “Trabbejna flimkien,” b’Genieve tenniet, “U ovvjament għamilna kuraġġ bih.”
Glen spjegalna liema bliet żaru.
Qal kif, “L-ewwel għamilna ġimgħa Washington u imbagħad morna ħamest ijiem New York u mbagħad għamilna ġimagħtejn hawn Florida.”
Fl-istat ta’ Florida, Glen u Genieve ltaqgħu mal-eks President tal-Amerka Donald Trump, fejn illum jgħix.
Spjegawlna kif laqahom Trump u x’esperjenzi kellhom miegħu.
Genieve qalet, “Iltqajna miegħu, jien iltqajt miegħu l-ewwel darba l-golf club tiegħu personali, ħadna lunch hemmhekk u mbagħad iltqajna miegħu b’mod personali, jiġi jkellmek, jagħmlek welcome ħafna.”
Intant Glen kompla billi qal, “Eżatt kif qed tgħid tajjeb Jenevieve, jiena wkoll, jiena kif wasalt kont ma’ Sergio mort mass meeting magħhom, għamilt tlett ijiem magħhom fejn anki ltqajt mat-tifel tiegħu, Donald junior u għamilna tlett ijiem flimkien. U l-istess verament bniedem down to earth ħafna u vera jagħmlek welcome. Jiġifieri lili ma jafniex ukoll jistmak sewwa jiġifieri.”
L-esperjenza f’qamar il-għasel ma’ Trump, Genieve żgur mhux se tinsiha.
Spjegat, “Hu jaqbad ikellmek qisu qed ikellem l-akbar ħabib tiegħu jew l-akbar ħabiba tiegħu, jiġifieri jsaqsik kif inti, minn fejn ġejja, ovvjament kellna l-ktieb tiegħu wkoll u ffirmahulna hu personali, li huwa dan.”
Il-koppja spjegat kif fl-Amerka kellhom diversi esperjenzi sbieħ fosthom anki waħda li missew il-kukkudrilli b’idejhom.
Fuq kollox għall-koppja l-akbar esperjenza tibqa’ l-ballu li lejlet l-ewwel tas-sena jorganizza Trump u li huma kienu mistiedna għalih, tant li poġġew sa żewġ imwejjed ’il bogħod minn dak li kien jokkupa l-ogħla kariga fil-White House.
Qalet, “Il-ballu ta’ kull sena ta’ New Year’s Eve ġo Mar-a-Lago, il-ballroom privata tiegħu, ovvjament ilbiesi lussużi, kulħadd pulit, kulħadd jagħmel welcome. Tiltaqa’ wkoll ma’ nies famużi u grazzi għal Sergio kellna l-opportunità nqattgħu New Year’s Eve hemmhekk.”